Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

Joġġezzjonaw kontra żvilupp f’San Ġiljan

Proġett fl-iktar żona antika tal-lokalità

Qed jiġi propost proġett massiċċ fil-qalba tal-iktar żona antika fil-lokalità ta’ San Ġiljan, proġett li għalih qed jopponu ‘Flimkien Għal Ambjent Aħjar’ u l-Kunsill Lokali.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata minn Astrid Vella f’isem ‘Flimkien Għal Ambjent Aħjar’ u Albert Buttiġieġ, is-Sindku tal-lokal ingħataw id-dettalji għalfejn huma, flimkien ma numru ta’ residenti mhux jaqblu li dan l-iżvilupp isir.

Astrid Vella saħqet li dan hu każ ieħor ta’ applikazzjoni għal żvilupp fl-isbaħ parti ta’ San Ġiljan li se tkun irrovinata bi proġett enormi. Hi saħqet li huma qed jopponu żvilupp fuq sit li għalih għandu local plan fejn saħqet li l-iżviluppatur ma jistax japplika biex jiżviluppa nofs is-sit biex jitilgħu numru kbir ta’ appartamenti, uffiċini u ħwienet speċjalment f’żona b’toroq dejqa. Vella stqarret li l-iżviluppaturi qed jirrumblaw minn fuq kulħadd u qed japplika għal nofs proġett biex jevita li jsir studju mportanti fuq is-sit biex wara japplika għal iktar żvilupp fiż-żona.

Net News tkellem mas-Sindku ta’ San Ġiljan, Albert Buttiġieġ. Hu saħaq li San Ġiljan qiegħed kontinwament taħt żvilupp, bini massiċċ wara l-ieħor, inbidel wiċċ il-lokal u dan propost huwa żejjed. Is-Sindku stqar li r-residenti li numru minnhom huma ta’ età anzjana m’għandhomx fejn imorru iktar għaliex l-iżvilupp ħa l-bankini, il-parkeġġ u l-bajjiet.

Hu stieden lil dawk kollha li ma jaqblux ma’ dan il-proġett biex isemmgħu leħinhom kontra dan il-proġett meta jibda s-smiegħ tiegħu quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar nhar l-Erbgħa 22 ta’ Lulju fid-9:30am.

Ritratti: Martin Agius