Ftit tal-minuti ilu, is-sit Times of Malta rraporta li f’pajjiżna ħareġ każ ieħor ta’ COVID-19. Dan wara li għall-ħabta ta’ nofsinhar tħabbar każ ġdid ta’ Coronavirus permezz tal-paġna ta’ Facebook tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.
B’hekk fl-aħħar sigħat pajjiżna rreġistra żewġ każi ġodda ta’ Coronavirus; it-tnejn impurtati.
Il-każ il-ġdid huwa ta’ immigrant li ddaħħal f’pajjiżna lbieraħ flimkien ma’ 63 immigrant ieħor.
Dan l-istazzjon tkellem ma’ rapreżentanti mill-Ministeru tas-Saħħa li kkonfermaw magħna din l-aħbar.
Dwar dan il-każ għadu mhux magħruf xi proċeduri qed jittieħdu, kemm fil-konfront tal-bqija tal-immigranti f’dan il-grupp, kif ukoll fil-konfront tal-ħaddiema li ġew f’kuntatt magħhrom fil-barracks ta’ Ħal Far.
Inant, Net News staqsa għal aktar informazzjoni dwar il-każ l-ieħor li kien tħabbar fuq Facebook aktar kmieni tul il-ġurnata pero konna mitluba nibgħatu l-mistoqsijiet tagħna permezz ta’ email.
Wara aktar minn ġimgħa mingħajr każi ġodda ta’ COVID-19, f’inqas minn 24 siegħa pajjiżna rreġistra żewġ każi; it-tnejn li huma impurtati minn barra minn xtutna.
B’hekk il-każi attivi reġgħu telgħu għal 5, wara numru twil ta’ ġranet li kienu kontinwament qed jinżlu.
Sa mis-7 ta’ Marzu, meta feġġ il-virus f’Malta u f’Għawdex, b’kollox ġew irreġistrati 676 każ pożittiv ta’ COVID-19.
//= $special ?>