Atletika Sport

L-atleti lokali jfittxu prestazzjonijiet aħjar xahar qabel il-kampjonati nazzjonali

(Ritratt: Wally Galea)

Illum fil-Matthew Micallef St. John fil-Marsa qed jiġi organizzat l-ewwel Challenge Meeting tal-MAAA, wieħed mill-aħħar appuntamenti qabel il-kampjonati nazzjonali li se jsiru xahar ieħor. Dan l-avveniment se jkun miftuħ għall-kategoriji kollha mill-adulti sa taħt is-16-il sena u mistennija jinkisbu riżultati pożittivi hekk kif l-atleti jkunu qed jiksbu l-aħjar forma tagħhom. Illum hemm ir-ritorn tat-tlielaq tad-distanza medja, jiġifieri bejn it-800 metru u t-3000 metru.

L-atleta internazzjonali Maltija Charlotte Wingfield u l-isprinter ta’ esperjenza Steve Camilleri fost l-oħrajn. Daniel Saliba se jipprova jtejjeb ir-rekord nazzjonali fil-110 metri hurdles wara li ftit ġimgħat ilu kien qrib. Il-veteran Rachid Chouhal qed jimmira li jtejjeb ir-rekords li kiseb riċentament fil-100 metru tal-masters u fil-long jump. L-avveniment hu miftuħ għall-pubbliku ġenerali u d-dħul se jkun b’xejn.