Kmieni s-Sibt filgħodu, għall-ħabta tat-7.45 numru kbir ta’ pumpieri ssejħu sabiex jikkontrollaw nirien li żviluppaw fil-Katidral dedikat lil San Pietru u San Pawl, f’Nantes, belt fil-punent ta’ Franza.
Jidher li fuq il-post waslu aktar minn 100 uffiċjal li ħadu sigħat twal biex ikkontrollaw in-nar f’dan il-bini Gotiku tas-seklu 15.
Għalkemm il-kawża mhux magħrufa, jidher li n-nar tkebbes apposta permezz ta’ 3 ħuġġiġiet li fortunatament ma eskalawx lejn is-saqaf.
Kif jixhdu l-filmati minn barra, in-nirien jidher li kienu kkonċentrati fil-gallarija tal-orgni, bl-orgni nnifsu kif ukoll numru ta’ twieqi stained glass jinqerdu kompletament filwaqt li l-gallarija tagħha hija instabbli u tista’ ċċedi minn ħin għal ieħor.
Meta mqabbel ma’ dak li seħħ ilu meta nqered il-Katidral ta’ Notre-Dame fil-kapitali Franċiża, Pariġi, in-nirien li ħakmu lill-Katidral ta’ Nantes, għalkemm sostanzjali, kienu anqas devastanti.
Din mhix l-ewwel diżgrazzja għall-Katidral hekk kif fl-1944 intlaqtet mill-bombi tal-qawwiet Alleati fit-Tieni Gwerra Dinjija filwaqt li fl-1972, is-saqaf inqered kompletament.
//= $special ?>