Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

Robert Abela jgħid li qbil dwar il-fondi tal-UE “mhux faċli”

Fi stqarrija li tat aġġornament dwar l-eżitu ta’ pajjiżna waqt is-Summit tal-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru Robert Abela indika li l-mexxejja tal-istati membri jinsabu ‘il bogħod minn qbil dwar kif se jinqasmu il-fondi ta’ rkupru mill-COVID-19 u l-fondi ewropej għas-seba’ snin li ġejjin.

Il-mexxejja qed ifittxu li jaqblu fuq fond ta’ rkupru mill-COVID-19 ta’ 750 biljun euro u baġit tal-UE 2021-27 ta’ aktar minn triljun euro.

“Irridu naraw li nġibu ftehim li huwa sodisfaċenti għal pajjiżna” saħaq il-Prim Ministru Malti waqt li kien qed jitkellem ma xi ġurnalisti preżenti fi Brussell. Robert Abela saħaq li se jaħdem biex pajjiżna jġib iktar fondi milli kiseb pajjiżna fl-aħħar trattati ta’ dan it-tip lura fl-2013.

Mill-aspett lokali, pajjiżna qed jittama li jinkiseb pakkett aktar b’saħħtu minn dak tal-2013, meta l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi kien irnexxielu jġib lejn Malta €1.2 biljun li mbgħad intużaw mill-Gvern Laburista.

Madankollu, Robert Abela stqarr li dan “Mhux faċli.”

Mistoqsi dwar l-andament tad-diskussjoni fil-Kunsill Ewropew, Robert Abela qal li d-diskussjoni tul il-jum tal-Ġimgħa bdiet relattivament tajjeb, fejn kien qiegħed jiġi rreġistrat progress bil-mod. Madankollu, qal li d-diskussjoni kellha tieqaf tard filgħaxija wara li matul il-jum id-diskussjoni ddeġenerat.

Dwar id-diskussjonijiet li saru tul il-jum tas-Sibt, il-Prim Ministru Malti qal li kien hemm problemi li ma setgħux jiġu maqbużin. Irrimarka li l-problema strutturali ma kinitx il-Budget tal-Unjoni Ewropea, iżda dwar il-Fond ta’ Irkupru mill-COVID-19.