Lokali

“Sejjaħt l-Eżekuttiv biex nipproponi azzjoni konkreta” – Adrian Delia

Waqt intervista fuq Newsbook, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stqarr li kien sejjaħ l-Eżekttiv biex nhar il-Ħamis jipproponi azzjoni konkreta sabiex tinstab soluzzjoni għas-sitwazzjoni preżenti fil-Partit Nazzjonalista.

Tul l-intervista, Adrian Delia tkellem dwar il-ħtieġa li pajjiżna jibqa’ jiġġieled kontra Gvern li baqa’ jiddefendi kuntratti skandalużi bħal dawk tal-Vitals u tal-Electrogas.

Mistoqsi dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Yorgen Fenech, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu jafu biss bħal ma jaf negozjanit oħra, u li ma għandu jew kellu qatt ħbiberija speċjali miegħu. Saħaq ukoll li wara li Fenech inkixef li hu s-sid ta’ 17 Black, hu qatt ma mar jiekol miegħu.

Hu qal li minbarra dawn il-kuntratti, il-Gvern huwa għarwien mill-valuri, u tenna li dan il-pajjiż jeħtieġ aktar żgħażagħ sabiex tingħata aktar priorità lil kwestjonjiet importanti bħall-ambjent.

Adrian Delia għalaq billi tenna l-wegħda li dak li qed jagħmel u li se jagħmel fil-jiem li ġejjin, huwa kollu fl-aqwa interess tal-Partit.