Lokali Qorti

Sid ta’ skola tal-għaddasa mhux ħatja ta’ qtil involontarju

Sid ta’ skola tal-għaddasa li tinsab fil-Mellieħa ma nstabitx ħatja ta’ qtil involontarju ta’ għaddasa li kienet mietet qrib il-Blue Hole fid-Dwejra fl-2015. Dan wara li l-Qorti qalet li l-Prosekuzzjoni kienet naqset milli tipprova l-każ tagħha.

Il-Maġistrat Joseph Mifsud iddeċieda li għalkemm esperti tal-Qorti sabu li r-regolatur li kien qed juża l-għaddas fil-mument tal-inċident ma kienx f’kondizzjoni perfetta tax-xogħol, dan ma kienx l-uniku fattur li kkontribwixxa għall-mewt tal-għaddasa.

Barra minn hekk, il-prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-element essenzjali li l-mewt kienet ikkawżata mill-imprudenza jew negliġenza tal-akkużat. Il-Maġistrat Mifsud kien qiegħed jiddeċiedi fil-każ kontra Jacqueline Rio Hedley, ta’ 39 sena, residenti l-Mellieħa, li kienet akkużata bl-omiċidju involontarju ta’ Petrina Matthews, ċittadina Ingliża ta’ 61 sena li mietet waqt li kienet qed tgħodos fid-Dwejra fl-10 ta ’Marzu 2015.

Il-Qorti semgħet kif Hedley kriet it-tagħmir tal-għadis lil Matthews u l-għaddasa u ż-żewġ għalliema marru d-Dwejra. L-għalliema xehdu li ma kien hemm l-ebda diffikultà waqt l-għadsa. Matthews kellha l-għalliema magħha u bdiet tgħum lejn il-blat meta f’daqqa waħda ħassa ħażin u ntilfet minn sensiha.

L-għaddasa u għalliema oħra tal-għadis ġibdu lil Matthews lejn ix-xatt u tawha is-CPR għal 40 minuta qabel ma ġiet iddikjarata mejta mill-paramediċi. L-awtopsja fl-Isptar Mater Dei kkonkludiet li Matthews kienet mietet minħabba problemi fil-pulmun, li hija kundizzjoni marbuta direttament mal-għadis.

Madankollu, sabu wkoll li kellha muskolu tal-qalb kbir li kien kundizzjoni preżenti qabel saret l-għadsa. Kumplikazzjonijiet oħra setgħu kienu marbuta wkoll mal-fatt li hi kienet obeża.

Il-Qorti nnotat li t-tieni awtopsja li saret fir-Renju Unit ma sabet xejn minn dan kollu, fejn ġie ddikjarat li kienet mietet minħabba kawżi naturali. Iżda apparti l-aspetti mediċi, il-Qorti ddeċidiet ukoll li l-Prosekuzzjoni naqset milli tipproduċi biżżejjed provi biex tipprova l-każ tagħha kif kien mistenni li jsir.

Fost affarijiet oħra, naqas milli jistabbilixxi jekk l-akkużata wettqitx att ta negliġenza jew kkontribwixxiet b’xi mod għall-inċident. Il-Prosekuzzjoni saħansitra naqset milli ġġib l-iktar evidenza bażika li hija kienet sid l-iskola tal-għadis u li kienet hi li kriet it-tagħmir lil Matthews.

Barra minn hekk, il-Prosekuzzjoni naqset milli tipprova li kienet taf li r-regolatur taċ-ċilindru użat minn Matthews kien wieħed difettuż u li naqset milli tiżgura li t-tagħmir kien f’kundizzjoni tajba qabel l-użu.

Il-Maġistrat Mifsud qal li diversi esperti kkonkludew li ma kienx ir-regolatur difettuż biss li kkawża l-mewt ta’ Matthews. Il-Qorti semgħet espert jixhed li l-d-difedtt li kien sab fir-regolatur għamilha diffiċli biex tieħu n-nifs, speċjalment taħt l-ilma.

Madankollu, l-ebda xhieda ma qalu li Matthews kellha diffikultà biex tieħu n-nifs waqt l-għadsa. Għalkemm dan l-espert qal li r-regolatur intbagħat barra minn Malta għal aktar testijiet, ir-riżultati ma ġewx ikkonfermati taħt ġurament u l-ittestjar ma sarx fil-preżenza ta’ espert maħtur mill-Qorti, u dan il-fatt ġiegħel lill-Qorti tinjora dawn it-testijiet.

Anki d-dikjarazzjonijiet mogħtija mill-akkużata lill-Pulizija kellhom jiġu injorati peress li dawn ittieħdu qabel ma hija ngħatat id-dritt li tibqa’ siekta. Dawn il-lakuni kollha fil-każ ma taw l-ebda għażla ħlief li jilliberaw lill-akkużat mill-akkużi kollha miġjubin kontrih.

L-Ispettur Bernard Charles Spiteri mexxa l-Prosekuzzjoni filwaqt li L-Avukat JK Farrugia kien l-avukat difensur.