Lokali

Solvuti sensiela ta’ serqiet fil-Mosta u San Pawl il-Baħar

Il-Korp tal-Pulizija solva sensiela ta’ serqiet f’diversi lokalitajiet f’Malta.

Fi stqarrija maħruġa mit-Taqsima Relazzjonijiet mal-Komunità u l-Istampa fi ħdan il-Korp, il-Pulizija ħabbret li investigazzjonijiet intensivi mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Vjolenti (Violent Crime
Unit) fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, flimkien mal-Pulizija tad-Distrett tal-Mosta, wasslu biex ġew solvuti sensiela ta’ serqiet minn diversi residenzi fil-Mosta u San Pawl il-Baħar.

Il-każijiet kollha seħħew bejn is-17 ta’ April u t-13 ta’ Lulju, 2020. B’rabta ma’ dawn l=investigazzjonijiet, il-Pulizija arrestat mara ta’ 44 sena, residenti l-Mosta.

Il-Pulizija bdiet tinvestiga sensiela ta’ rapporti dwar serq li kien qed iseħħ f’residenzi li fihom jgħixu persuni anzjani. Mill-investigazzjonijet li saru rriżulta li s-serq kien qiegħed isir bl-istess
metodu.

Mara, akkumpanjata minn tifel minorenni, kienet qed tħabbat il-bibien tad-djar u tittallab għal flus. Kif il-mara u t-tifel jitilqu, il-vittmi jindunaw li għandhom l-affarijiet nieqsin.

Waqt l-investigazzjonijiet irriżulta li d-deskrizzjoni taż-żewġ persuni suspettati kienet waħda simili. L-investigazzjonijiet wasslu biex fl-aħħar sigħat ġiet arrestata l-mara ta’ 44 sena u kien ikkonfermat li wettqet is-serqiet mat-tifel tagħha ta’ 12-il sena.

Il-mara, aktar kmieni dalgħodu, tressqet il-Qorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli akkużata li wettqet ħames serqiet, kif ukoll li naqset li tieħu ħsieb lil binha ta’ 12-il sena. Hija kienet akkużata wkoll li wettqet dawn ir-reati waqt il-perjodu operattiv ta’ żewġ sentenzi oħra mill-Qorti u b’hekk kissret il-kunidzzjoni li ma tagħmilx reat ieħor f’dan iż-żmien, u li hija riċediva.

Il-mara wieġbet li mhiex ħatja tal-akkużi, iżda ma ngħatatx il-ħelsien mill-arrest u qed tinżamm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni qegħda titmexxa mill-Ispetturi Lydon Zammit u Paula Ciantar.