Il-Mexxejja Ewropej qed jiddibattu fi Brussell sabiex possibilment jintlaħaq qbil dwar il-budget Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin kif ukoll il-pakkett ta’ għajnuna għal kontra l-Covid.
Fl-aħħar sigħat, jidher li l-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel preżenta pakkett aġġornat sabiex jikkonvinċi lil pajjiżi kollha ħalli jaslu għal qbil unanimu. Jirriżulta li din il-proposta taf tkun aktar “aċċettabbli” għal pajjiżi bħall-Olanda, l-Awstrija, id-Danimarka u l-Iżvezja.
Il-proposta ta’ Michel ġiet presentata f’dokument estensiv ta’ 65 paġna, u b’mod konkret se tkun tfisser tnaqqis ta’ €50 biljun fejn jidħol ir-Recovery Fund li minn grants se jkunu qed jingħataw f’self; xi ħaġa li tmur kontra x-xewqa tal-Italja.
Jidher li dan mhu se jnaqqas xejn mill-fondi li hemm allokati għall-budget tas-seba’ snin li ġejjin.
Mhux magħruf x’se jkun is-sehem għal Malta minn din il-proposta l-ġdida.
Analisti politiċi qed jgħidu li xorta għadu ferm diffiċli għall-mexxejja Ewropej biex jintlaħaq qbil illum stess f’dan is-summit.

Aktar kmieni
Spiċċat b’togħma morra l-ewwel ġurnata tas-summit Ewropew, bid-diskussjonijiet fi Brussell jieqfu ħesrem minħabba nuqqas ta’ qbil u diverġenzi kbar dwar kif se jitqassmu l-fondi għas-27 pajjiż membru.
Rapporti fil-Financial Times u fil-Politico qed jiddeskrivu l-laqgħa tal-bieraħ bħala waħda ostili u mimlija battibekki, partikolarment minn naħa ta’ l-Olanda. Dan għaliex il-Prim Ministru Mark Rutte kien qed jinsisti fuq qbil unanimu kemm fuq ir-Recovery Fund tal-Covid kif ukoll fuq il-budget Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin.
Rutte spiċċa irrifjuta il-proposta emendata li ressaq il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel.
Anke l-Italja ħadet pożizzjoni iebsa, bil-Prim Ministru Giuseppe Conte jgħid li pajjiżu huwa favur mekkaniżżmu ta’ għajnuna li jkun inqas riġidu.
Sorsi minn Brussell li tkellmu ma’ Net News ikkonfermaw li s-summit spiċċa kellu jiġi sospiż f’daqqa waħda u kulħadd telaq mil-laqgħa bla qbil, u bil-ħsieb li d-diskussjonijiet jissuktaw illum. Għalkemm kollox jindika li l-mexxejja Ewropej se jirritornaw lejn il-pajjiżi rispettivi mingħajr qbil, bil-possibilità li jerġgħu jiltaqgħu aktar tard dan ix-xahar.
Mill-aspett lokali, l-attenzzjoni ddur fuq dak li qed isir minn naħa tal-Prim Ministru Malti bit-tama li pajjiżna jikseb pakkett aktar b’saħħtu minn dak tal-2013, meta l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi kien irnexxielu jġib lejn Malta €1.12 biljun.
//= $special ?>