Lokali

Tifħir għall-inizjattiva tal-MDA mill-Kamra tal-Kummerċ

Arkivji

Il-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija laqgħet bi pjaċir l-iskema mnedija mill-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi, l-MDA.

L-MDA il-Ġimgħa nediet skema bit-titlu ‘Safer Neighbourhood Scheme’ – skema li permezz tagħha, persuni li jkollhom żvilupp għaddej qrib il-binja tagħhom ikunu jistgħu japplikaw għas-servizz ta’ Perit b’xejn biex isegwi dak li jkun qed jiġri fl-iżvilupp ta’ biswithom u jagħtihom aktar serħan il-moħħ.

Il-Kamra tal-Kummerċ iddeskriviet din l-inizzjattiva bħala pass fid-direzzjoni t-tajba fi sforz biex pajjiżna jtejjeb l-istandards f’dan il-qasam.

L-istess Kamra kienet voċifera ħafna u kienet kritikat ferm lill-industrija tal-bini u l-kostruzzjoni fl-imgħoddi. Saħqet kemm-il darba li din l-industrija jeħtieġ ittejjeb il-livelli professjonali, l-aktar fid-dawl tad-diversi inċidenti fil-qasam, li ħalliet ukoll il-vittmi.

Il-Kamra tal-Kummerċ waqqfet ukoll kumitat apposta dwar il-bini u l-kostruzzjoni u se tkompli tgħin fl-iżvilupp professjonali u etiku, filwaqt li tkompli tixpruna proposti bil-għan li din l-industrija tkompli tavvanza.