Lokali

Adrian Delia mhux jeskludi vot fil-Kunsill Ġenerali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia mhux jeskludi li jissejjaħ u jittieħed vot fil-Kunsill Ġenerali jekk ikun hemm il-ħtieġa li dan isir.

Wara li s-Sibt, f’intervista fuq l-istazzjon 103, hu qal li l-Ħamis se jitlaqqa’ l-Eżekuttiv li matulu se tittieħed azzjoni konkreta, f’intervista ippubblikata l-Ħadd fil-gazzetta The Sunday Times, Adrian Delia qal li mhux se joġġezzjona li jkun hemm vot ieħor fil-Kunsill Ġenerali jekk ikun hemm bżonn.

“Mhux se nipprova niddefendi l-pożizzjoni tiegħi b’teknikalita’”, tenna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Dan b’referenza għall-klawżola fl-Istatut tal-Partit li ma jistax jerġa’ jissejjaħ vot ta’ fiduċja fil-Kap tal-PN qabel ma jgħaddu sentejn mill-aħħar vot.

Adrian Delia fil-fatt kien rebaħ vot ta’ fiduċja mill-Kunsill Ġenerali propju sena ilu.

Hu tenna li hu marbut jirrispetta l-verdett mogħti mill-membri tal-Partit u l-Istatut li jgħid li l-Kap ikun elett mit-tesserati u jitneħħa mill-Kunsill Ġenerali. Adrian Delia qal li qed jikkonsidra l-għażliet kollha, inkluż l-għażla ta’ vot fil-Kunsill Ġenerali.

Mistoqsi x’azzjoni jieħu wara li jkun sar dan il-vot, Adrian Delia qalli jekk jitlef dan il-vot, hu jitlaq iżda jekk in-nies jiddeċiedu li jżommuh bħala Kap, dawk li esprimew li m’għandhomx fiduċja fih għandhom jagħmlu l-għażliet tagħhom.

Min-naħa l-oħra, Adrian Delia qal li l-PN ma jistax jitlef iktar nies. Hu qal li ma jistax jagħmel dan waħdu jew jekk il-Partit jieħu pożizzjoni militanti fuq kollox.

M’għandniex bżonn politika tribali għaliex din ma twassal għal imkien.

Dwar iċ-chats ma’ Yorgen Fenech, il-Kap tal-PN tenna li wara li sar magħruf li Fenech hu s-sid ta’ 17 Black, hu qatt ma’ ltaqa’ miegħu u qatt ma mar jiekol miegħu u kien qallu li Pierre Portelli kien se jieħu ħsieb il-loġistika sabiex jirrifjuta l-istedina bil-pulit.

Hu tenna mill-ġdid li hu miftuħ għal kull skrutinju u mhux qed jattakka lill-media. Madanakollu, Adrian Delia sostna li hemm min għandu interess u għandu x’jigwadanja mill-fatt li hu jinżamm taħt il-lenti.