“It-twemmin tiegħi huwa t-tajjeb, is-sewwa u l-pożittiv u mhux il-politika tal-mibegħda u l-politika tal-passat. M’għandi xejn fuq il-kuxjenza u m’hemm xejn mill-passat li jħammarli wiċċi. Nemmen li dak li qed nagħmel qed nagħmlu għall-ġid ta’ pajjiżna, tal-partit tagħna u ta’ uliedna. Issa huwa l-mument tal-verita’ u jien se nibqa’ nitkellem għaż-żgħir u għal dawk kollha, li hawn min irid li ma jkollhomx vuċi,” hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat fuq NET FM.
Delia qal li dan huwa żmien diffiċli imma wkoll żmien ta’ għaqda u wara snin fejn saret ħidma kbira interna għar-riforma fl-istrutturi, fl-istatut u kif nistgħu naslu flimkien, issa wasal iż-żmien tad-deċiżjonijiet u naraw in-nies xi jridu, jekk hix l-istess attitudni ta’ qabel u tal-passat jew inkella partit li jkun verament tan-nies, meta hawn min irid li l-ftit jibqgħu jiddeċiedu huma u lin-nies iħalluhom mingħajr leħen.
Adrian Delia qal li tliet snin ilu huwa daħal għat-tmexxija tal-parti bil-wegħda li l-PN jerġa’ jkun il-partit tan-nies, u din il-wegħda se jżommha u sakemm jibqa’ jgawdi l-fiduċja tat-tesserati jinsab determinat aktar minn qatt qabel li jibqa’ jaħdem għas-sewwa. Dan biex inkunu alternattiva għall-Gvern Laburista li huwa mifni bil-korruzzjoni, f’partit imġedded verament mingħajr klassiżmu u li fi ħdanu ma jkunx hemm min ifixkel u minflok naħdmu flimkien f’għaqda. Aħna partit ta’ kulħadd u hemm post għal kulħadd, għal kull min irid il-ġid għal pajjiżna.
Adrian Delia qal li nistgħu nimxu ‘l quddiem fis-stħarriġ jekk naħdmu flimkien u niġbdu ħabel wieħed u mhux infixklu lil xulxin jew b’intenzjoni noħolqu l-pika. Irid ikun hemm l-isforz ta’ kulħadd u ma nistgħux nippermettu lil min minn ġewwa jew min barra jagħmel il-ħsara, għax biex navvanzaw fis-stħarriġ irridu nkunu ffukati u magħqudin.
Huwa qal li l-PN se jibqa’ juri l-ħażin tal-korruzzjoni u kif din hija pjaga fuq il-pajjiż u fuq iż-żgħir, iżda ma jistax jibqa’ partit ta’ issue wieħed, irridu noffru soluzzjonijiet ukoll għal setturi oħrajn u dan meta għandna proposti konkreti u b’saħħithom.
Il-Kap tal-PN qal li b’iktar saħħa u iktar rieda se jkompli l-ġlieda tiegħu biex iġib it-tliet sptarijiet lura għand in-nies. Sptarijiet li l-Gvern ta lil Vitals, kumpanija li ma nafux min hi, bla kapital u bla garanziji bankarji u bla ebda esperjenza u meta ma sarx id-due diligence fuqhom. Kumpanija li kienet irreġistrata inqas minn xahar qabel ma ngħataw il-kuntratt u b’kapital ta’ €1,000 biss.
Delia qal li qegħdin inħallsu €250,000 kuljum għal xejn li bihom stajna ngħinu liż-żgħażagħ tagħna biex isiru s-sidien ta’ darhom, lill-anzjani biex ikollhom il-mediċini u lil dawk il-110,000 ħaddiem li l-Gvern ma tahhomx l-għajnuna fi żmien il-pandemija sabiex jgħaddu minn dan iż-żmien diffiċli.
Adrian Delia qal li l-weġgħa tiegħu hi li meta għandna niġġieldu dan il-ħażin kollu, u wara r-rapport tal-NAO li tah raġun dwar Vitals, hemm min huwa iktar mhedi biex ineħħi l-kap għax ma jogħġbux flok li nibqgħu nuru li aħna l-partit li jiġġieled il-ħażin u jiddefendi s-sewwa għall-pajjiż u għal uliedna biex nibnu pajjiż aħjar u nħallulhom Malta aħjar.
//= $special ?>