Lokali Unjoni Ewropea

Is-summit tal-UE jidħol fit-tielet jum tiegħu

Il-mexxejja tal-UE estendew is-summit li qiegħed isir fi Brussell; summit li kuntrarju għal dak li kien programmat, issa daħal fit-tielet jum tiegħu.

Is-27 pajjiż membru tal-UE għadhom ma laħqux qbil dwar il-baġit Ewropew għas-7 snin li ġejjin u l-pakkett ta’ stimolu kontra l-pandemija.

Skont diversi rapporti li ħergin dalgħodu, il-mexxejja Ewropej fallew milli jilħqu kunsens wara li l-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel ressaq kompromess ġdid biex il-partijiet kollha jaqblu. Fosthom li jkun hemm bilanċ fi pjan ġust fil-flus li se jingħataw u l-flus li joħorġu f’loans bħala għajnuna għal kontra l-Covid. Jirriżulta li din il-proposta taf tkun aktar “aċċettabbli” għal pajjiżi bħall-Olanda, l-Awstrija, id-Danimarka u l-Iżvezja – għalkemm sa issa, qbil finali għadu jidher ‘il bogħod.

Il-proposta ta’ Michel ġiet preżentata f’dokument estensiv ta’ 65 paġna, u b’mod konkret se tkun tfisser tnaqqis ta’ €50 biljun fejn jidħol ir-Recovery Fund, li minn grants se jkunu qed jingħataw f’self; xi ħaġa li tmur kontra x-xewqa tal-Italja.

Jidher li dan mhu se jnaqqas xejn mill-fondi li hemm allokati għall-budget tas-seba’ snin li ġejjin. Mhux magħruf x’se jkun is-sehem għal Malta minn din il-proposta l-ġdida, għalkemm ilbieraħ Robert Abela qal li ftehim “mhux se jkun faċli” f’dan l-istadju.

Fi żvilupp li seħħ tul il-ġurnata tas-Sibt jidher li l-mexxejja nqassmu fi gruppi żgħar ghal laqghat bilaterali. Dan sabiex issir konsultazzjoni u diskussjoni aktar fid-dettall.

Analisti politiċi qed jgħidu li xorta għadu ferm diffiċli għall-mexxejja Ewropej biex jintlaħaq qbil fil-ħin li ġej f’dan is-summit u għalhekk ingħatat estensjoni biex is-summit jibqa’ għaddej anki l-Ħadd.