Internazzjonali

Iżrael: Il-proċess tal-qorti għal Netanyahu se jirranka f’Jannar

Benjamin Netanyahu

Il-proċess tal-qorti għall-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, għandu jibda ‘bis-serjetà’ f’Jannar — bis-smigħ tax-xhieda mistenni li jibda jsir tliet darbiet fil-ġimgħa. Netanyahu jrid iwieġeb għal akkużi ta’ korruzzjoni, tixħim u abbuż tal-fiduċja tal-poplu, bl-avukati tiegħu qegħdin jitolbu aktar żmien mill-perjodu allokat biex jistudjaw il-materjali ta’ akkuża miġjuba kontra tiegħu.

Netanyahu se jkun l-ewwel Prim Ministru Iżraeljan fil-kariga li jrid jgħaddi minn proċess tal-qorti ta’ dan it-tip. Intant, il-problemi legali tiegħu, f’parti, qegħdin jistimolaw il-protesti fit-toroq kontra tiegħu. Dan meta d-dimostranti qegħdin jixluh dwar allegata korruzzjoni u dwar kif hu ħa ħsieb il-pandemija tal-coronavirus f’Iżrael li qed taqleb dejjem għall-agħar.

Fi tmiem il-ġimgħa, il-pulizija użaw il-kanuni tal-ilma biex iferrxu lid-dimostranti minn quddiem ir-residenza ta’ Netanyahu f’Ġerusalemm. Dan waqt li folol ta’ nies li ħarġu jipprotestaw f’Tel Aviv ikkonfrontaw lill-pulizija wara li mblukkaw it-toroq għal żmien, Il-proċess ta’ Netanyahu kien fetaħ formalment f’Mejju ġewwa l-Qorti Distrettwali ta’ Ġerusalemm u fejn hu kien ċaħad għall-akkużi mressqa fil-konfront tiegħu.