Każ ieħor ġdid ta’ Covid-19 fl-aħħar 24 siegħa. Fl-istess ħin, ma kien hemm ebda każ ta’ persuni li fiequ biex għaldaqstant in-numru ta’ każi attivi f’Malta reġa’ tela’ għal 5.
Dawn iċ-ċifri ħarġu mill-paġna ta’ Facebook tal-Ministeru tas-Saħħa. Dan il-każ hu ta’ immigrant mill-grupp li ddaħħal Malta l-Ħamis li għadda u li nstab pożittiv għall-Covid-19. Net News żvela dak il-każ tard ilbieraħ filgħaxija, liema każ issa hu konfermat uffiċjalment.
B’kollox saru 834 swab test fl-aħħar 24 siegħa bit-total ta’ swab tests mill-bidu ta’ Marzu issa hu ta’ 113,237.
In-numru ta’ każi tela’ 676 u n-numru ta’ nies li fiequ baqa’ ta’ 662.
Dawn iż-żewġ każi fuq daqstant ġranet waqqfu x-xejra pożittiva ta’ tmint’ijiem mingħajr każi ġodda ta’ Coronavirus.
Minkejja li n-numri jibqgħu żgħar ħafna, l-awtoritajiet tas-saħħa jibqgħu jappellaw għall-kawtela u jinżammu d-distanzi soċjali, l-użu tal-maskri u l-ħasil ta’ spiss tal-idejn.
//= $special ?>