“Kollox kien f’idejn Konrad Mizzi filwaqt li jidher li kollox kien maħdum bizzilla minn qabel.”
Kien dan il-punt ewlieni li ħareġ minn analiżi li saret mill-gazzetta tal-Ħadd ‘ILLUM’ fejn kien analizzat ir-rapport ippublikat mill-Awditur Ġenerali dwar dak kollu li jdur mal-isptarijiet publiċi li ngħataw f’idejn il-Vitals Global Healthcare għal 99 sena sħaħ. Din l-analiżi titfa’ l-attenzjoni tagħha fuq is-saga li għad trid tinħall, liema saga hi kobba magħquda waħda sew b’ħafna mistoqsijiet u dubji.
L-ewwel punt kien li l-Ministru tal-Enerġija u s-Saħħa ta’ dak iż-żmien, Konrad Mizzi qatt ma kkonsulta dwar dan il-ftehim tant important ma’ terz persuni, fosthom is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, Chris Fearne. Saħansitra lanqas il-Kabinett ma ma kien informat b’mod tajjeb dwar dan il-proġett. B’hekk, minkejja li nħarġu miljuni mit-taxxi tal-poplu, il-Ministeru tal-Finanzi la kien jaf, la kien ikkonsultat u lanqas kien ipprovdut b’biżżejjed informazzjoni fuq il-proċess.
It-tieni punt li sar kien il-fatt li jidher li kollox kien maħdum u pjanat minn qabel anke jekk provaw iġibuha tidher li il-proċess ta’ min se jieħu l-isptarijiet kien wieħed kompettitiv. Dan filwaqt li l-fatt li l-Gvern ta’ Joseph Muscat dejjem irrifjuta li jgħaddi r-rapport lill-Awditur Ġenerali jkompli jitfa’ dell ikrah dwar l-intenzjonijiet li saru fid-dawl ta’ dan il-ftehim.
Punt ieħor li sar kien dak dwar id-due dilgence, jiġifieri li dawk kollha li juru interess għandhom jiġu studjati dwar il-passat tagħhom qabel jingħataw it-tender. Madanakollu, l-Awditur Ġenerali jisħaq li dan kien wieħed pjuttost fqir filwaqt li għal raġuni li ħadd għadu ma jaf, minkejja li r-Rikjesta għall-Proposti kienet tgħid li l-emfitewsi kien ta’ 30 sena, il-Vitals ħaduh għal 99 sena.
L-istess ingħad għar-rapport ta’ vijabilità – il-kelma ‘fqir’. L-Awditur Ġenerali kkwota l-minuti ta’ laqgħa ta’ Projects Malta fl-2014, bosta xhur qabel biss inħarġet Rikjesta għall-Proposti.
Punt ieħor li tqajjem kien it-tħassib serju ta’ nuqqas ta’ awtorizazzjoni għall-konċessjoni ta’ tliet sptarijiet pubbliċi fejn dawn l-istparijiet jiġu mgħoddija lil terzi mingħajr ħadd ma jassumi responsabilità għal din id-deċiżjoni.
Iżda dan mhux biss… minkejja li l-isptarijiet ingħataw f’idejn il-privat, ir-riskju baqa’ xorta waħda fuq il-Gvern. Dan hekk kif il-Vitals għandha garanzija ta’ dħul mill-Gvern irrispettivament mill-bidliet fil-prezzijiet determinati mis-suq.
L-aħħar punt li sar mill-gazzetta kien il-fatt ta’ gideb fid-dawl ta’ dan il-ftehim li ġie ffirmat minn persuna li kumpanija tiegħu sfatt falluta iżda hu baqa’ jinsisti li ma fallietx.
//= $special ?>