L-awtoritajiet fiċ-Ċina żiedu l-livell tal-allert fir-rigward tax-Xmara Huai, lejn il-lvant tal-pajjiż, wara jiem konsekuttivi ta’ xita qawwija u konsistenti. L-uffiċjali kkonfermaw li t-twissija dwar l-għargħar ġdid u potenzjali mix-xmara kienet telgħet minn ‘Livell 3’ għal ‘Livell 2 ( it-tieni l-ogħla stat ta’ allert)’ fost indikazzjonijiet ta’ aktar maltemp fir-reġjun.
Iċ-Ċina ilha l-ġimgħat assedjata mix-xita, bl-elementi ħorox jibqgħu regolari tul medda ta’ territorji — mil-lbiċ lejn il-kosta tal-lvant ta’ dan il-pajjiż. L-aħħar rapporti qalu li mietu kwantità ta’ nies fin-naħa t’isfel taċ-Ċina, b’mewthom ikun dovut għal inċidenti relatati mal-għargħar.
Fi tmiem il-ġimgħa kompliet l-evakwazzjoni tan-nies mill-aktar zoni ta’ periklu – b’miljuni jispiċċaw ittrasferiti lejn bnadi oħra waqt li eluf ta’ truppi u pulizija paramilitari kienu qed isaħħu d-difiżi għal kontra l-għargħar fid-diversi bnadi tal-pajjiż. L-aħħar bullettini tal-aħbarijiet qalu li l-għargħar kien għaddej ‘f’każi simultanji’ fiz-zoni tax-Xmara Yangtze, ix-Xmara Huai u x-Xmara Tai – bis-sitwazzjonijiet ikunu mfissra bħala gravi ħafna.
Ix-Xmara Huai tgħaddi mill-provinċji ta’ Henan, Anhui u Jiangsu, minbarra diversi bliet oħra bħal Fuyang, Xinyang u Huainan.
Iċ-Ċina tipikament tgħaddi minn inċidenzi ta’ għargħar matul ix-xhur tas-sajf, iżda dawn il-jiem kienu ‘fost l-agħar li qatt ra l-poplu’ f’dak li jirrigwarda inżul tax-xita u l-konsegwenzi relatati. Fil-fatt, hemm l-inkwiet li x-xita attwali kapaċi tħarbat il-movimenti tal-proviżjonijiet globali meħtieġa (inkluż tagħmir protettiv personali) biex jindirizzaw il-pandemija tal-coronavirus.
//= $special ?>