Futbol Sport

Milan ikomplu l-forma pożittiva b’rebħa kbira fuq Bologna

(Ritratt: EPA)

Milan komplew il-forma pożittiva tal-aħħar logħbiet b’rebħa kbira ta’ 5-1 kontra Bologna f’San Siro. B’hekk mill-aħħar tmien logħbiet fil-kampjonat, Milan rebħu sitta u ġew draw tnejn. Ir-Rossoneri fetħu l-iskor wara 10 minuti meta minn kross mix-xellug ta’ Theo Hernandez, Zlatan Ibrahimovic ħalla l-ballun b’finta lejn ALEXIS SAELEMAEKERS li skorja b’xutt fil-baxx. Hakan Calhanoglu rdoppja fl-24 minuta wara li ħa vantaġġ minn żball ta’ Lukasz Skorupski.

Bologna daħlu fil-logħba qabel tmiem l-ewwel taqsima b’xutt mill-isbaħ ta’ TAKEHIRO TOMIYASU li ma tax ċans lil Gianluigi Donnarumma, iżda Ismael Bennacer reġa’ rdoppja l-vantaġġ fil-bidu tat-tieni taqsima wara passaġġ ta’ Calhanoglu. L-iskor sar 4-1 fis-57 minuta b’Ibrahimovic jiftaħ lejn ANTE REBIC li kkontrolla l-ballun u għeleb lil Skorupski b’xutt b’saħħtu. DAVIDE CALABRIA ssiġilla r-rebħa fit-92 minuta wara li rċieva mingħand Rafael Leao.

Atalanta naqsu li jitilgħu waħedhom fit-tieni post tal-klassifika wara li kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Verona fi Stadio Bentegodi.  DUVAN ZAPATA poġġa lil Atalanta fil-vantaġġ fil-50 minuta meta ħa vantaġġ minn żball ta’ Koray Günter, avvanza u għeleb lil Marco Silvestri b’xutt fil-baxx. Verona ġabu d-draw fid-59 minuta b’xutt ta’ Amir Rrahmani ġie salvat parzjalment minn Pierluigi Gollini, b’MATTEO PESSINA jkun pront biex jiskorja mir-rebound.

Draw ukoll ta’ 1-1 bejn Cagliari u Sassuolo fis-Sardegna Arena. Kienu Sassuolo li fetħu l-iskor wara 12-il minuta b’daqqa ta’ ras ta’ FRANCESCO CAPUTO mill-viċin wara azzjoni ta’ korner. Wara li Cagliari sfaw jilagħbu b’10 plejers fit-48 minuta wara li tkeċċa Andrea Carboni, Cagliari ġabu d-draw fit-63 minuta bi kross ta’ Marko Rog lejn JOAO PEDRO li skorja b’xutt mill-ewwel fil-baxx.

Serie A

Illum: Verona v Atalanta 1-1, Cagliari v Sassuolo 1-1, Milan v Bologna 5-1

Għada: Parma v Sampdoria 5.15pm, Brescia v Spal 7.30pm, Fiorentina v Torino 7.30pm, Genoa v Lecce 7.30pm, Napoli v Udinese 7.30pm, Roma v Inter 9.45pm

It-Tnejn: Juventus v Lazio 9.45pm