Lokali Unjoni Ewropea

Sa issa l-ebda żblokk, indikazzjonijiet li s-summit se jidħol fir-raba’ jum

Il-mexxejja tal-UE estendew is-summit li qiegħed isir fi Brussell; summit li kuntrarju għal dak li kien programmat, daħal fit-tielet jum tiegħu, bil-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel tgħid li d-diskussjonijiet hemm ċans kbir li jissoktaw għar-raba’ jum konsekuttiv bi tkomplija tagħhom tkun it-Tnejn.

L-ewwel plenarja tat-tielet jum kellha tibda f’12pm tal-Ħadd, iżda ġiet posposta għal ħin indefinit hekk kif il-mexxejja qed ikomplu bil-laqgħat bilaterali u fi gruppi żgħar, dan sabiex issir konsultazzjoni u diskussjoni aktar fid-dettall.

Huwa ċar li s-27 pajjiż membru tal-UE għadhom ma laħqux qbil dwar il-baġit Ewropew għas-7 snin li ġejjin u l-pakkett ta’ stimolu kontra l-pandemija.

Skont diversi rapporti li ħarġu l-Ħadd filgħodu, il-mexxejja Ewropej fallew milli jilħqu kunsens wara li l-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel ressaq kompromess ġdid biex il-partijiet kollha jaqblu. Fosthom li jkun hemm bilanċ fi pjan ġust fil-flus li se jingħataw u l-flus li joħorġu f’loans bħala għajnuna għal kontra l-Covid. Jirriżulta li din il-proposta taf tkun aktar “aċċettabbli” għal pajjiżi bħall-Olanda, l-Awstrija, id-Danimarka u l-Iżvezja – ghalkemm sa issa, qbil finali ghadu jidher ‘il boghod.

Il-proposta ta’ Michel ġiet preżentata f’dokument estensiv ta’ 65 paġna, u b’mod konkret se tkun tfisser tnaqqis ta’ €50 biljun fejn jidħol ir-Recovery Fund…. li minn grants se jkunu qed jingħataw f’self; xi ħaġa li tmur kontra x-xewqa tal-Italja.

Jidher li dan mhu se jnaqqas xejn mill-fondi li hemm allokati għall-budget tas-seba’ snin li ġejjin. Mhux magħruf x’se jkun is-sehem għal Malta minn din il-proposta l-ġdida, għalkemm Robert Abela f’kummenti li għadda fuq l-istazzjon tar-radju Laburista qal li ftehim “mhux se jkun facli” f’dan l-istadju.

Analisti politiċi qed jisħqu li għadu ferm diffiċli għall-mexxejja Ewropej biex jintlaħaq qbil fil-ħin li ġej b’rapporti jgħidu li f’waqtiet id-diskussjonijiet ħadu xejriet qalila.