Sport Waterpolo

Wirja kollettiva trebbaħ l-Enemed Cup lil Sliema għall-ewwel darba … Exiles fit-tielet post

Stewart Said

SAN ĠILJAN TUM INVEST…….. 6

SLIEMA FRANK SALT………….. 10

(1-4), (2-1), (2-2), (1-3)

Wirja brillanti minn Sliema Frank Salt wasslet biex kisbu l-Enemed Cup għall-ewwel darba b’rebħa ta’ 10-6 kontra San Ġiljan TUM Invest, ir-rebbieħa tal-ewwel żewġ edizzjonijiet. Dan kien l-ewwel unur ta’ Sliema mit-Tazza tal-President fl-2015 kif ukoll l-ewwel wieħed kemm ilu li rritorna Sergio Afric bħala kowċ. Dan l-unur mistenni jgħolli l-moral bit-tama li Sliema jirbħu l-ewwel Kampjonat tas-Sajf mill-2009.

San Ġiljan ħallew in-nervożiżmu jħalli effett fuq il-prestazzjoni. Fil-ġurnata Sliema kienu l-aħjar tim u l-Ġiljaniżi għandhom għalfejn jitfgħu l-ħtija fuqhom minħabba l-ammont enormi ta’ man-ups li fallew, b’Sliema jispiċċaw il-logħba mingħajr Michael Spiteri Staines, John Brownrigg, Jamie Gambin u Nicholas Bugelli.

Sliema fetħu tajjeb u rebħu l-ewwel sessjoni 4-1, b’Mattias Ortoleva jiskorja l-uniku gowl Ġiljaniż biex għamel l-iskor parzjali 2-1. Is-Slimiżi skorjaw żewġ gowls minnhom minn man-up. San Ġiljan irnexxielhom jidħlu fil-logħba wara li Mark Meli kien għamel l-iskor 5-1. Andreas Galea minn penalty u Matthew Zammit mis-centre naqqsu d-distakk għal żewġ gowls qabel tmiem l-ewwel taqsima.

Sliema pruvaw darbtejn jiftħu vantaġġ ta’ tliet gowls iżda fiż-żewġ okkażjonijiet San Ġiljan naqqsu d-distakk, f’perjodu fejn il-logħba bdiet iżżid fit-tensjoni. Fl-aħħar sessjoni, Dino Zammit wieġeb għall-gowl ta’ Benji Cachia iżda Sliema għalqu l-logħba bil-gowls ta’ Spiteri Staines u l-lob ta’ Jerome Gabarretta. Wara l-logħba, il-President tal-ASA Joe Caruana Curran ippreżenta t-trofew lill-captain ta’ Sliema Mark Meli.

San Ġiljan: J. Tanti, K. Tanti, A. Galea (2), B. Grech, M. Mannino, M. Zammit (1), B. Plumpton, J. Bonavia, Z. Micallef, Da. Zammit, P. Fava, Di. Zammit (1), M. Ortoleva (2), K. Magri

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (1), L. Galea (2), J. Sciberras, M. Meli (2), B. Cachia (1), M. Spiteri Staines (2), N. Saliba, J. Brownrigg, J. Gambin, Z. Mizzi, N. Bugelli (2), A. Theuma, M. Carani, R. Greco

Referees: Peter Balzan, Massimo Angileri

Mark Fenech jibbrilla fit-tielet post miksub minn Exiles

SIRENS MECCA MARIN……….. 10

EXILES……………………………….. 14

(2-5), (2-1), (4-3), (2-5)

Mark Fenech kien strumentali għal Exiles fir-rebħa ta’ 14-10 li kisbu kontra Sirens Mecca Marin. B’dan ir-riżultat Exiles spiċċaw il-kompetizzjoni fit-tielet post. Kollox ma’ kollox rebħa meritata għat-tim ta’ Igor Vukanovic, b’Sirens ma jżommux il-livell li kienu laħqu f’nofs il-logħba.

Kienu Sirens li fetħu l-iskor iżda Exiles wettqu reazzjoni u saħansitra fil-bidu tat-tieni sessjoni kienu jinsabu 6-2 minn fuq, b’Mark Fenech sa dak il-ħin kien skorja tripletta. Sirens irnexxielhom jidħlu fil-logħba b’doppjetta ta’ Matthew Sciberras qabel il-ħin tal-mistrieħ u marru fil-vantaġġ 7-6 fit-tielet sessjoni b’gowls tal-eks Neptunes Matthias Azzopardi u Ken Erdogan kif ukoll Isaiah Riolo.

Madankollu Exiles kienu kapaċi biżżejjed li jdawru l-iskor b’doppjetta ta’ Mark Fenech u wara li Gabriel Melillo għamel l-iskor 8-8, lob mill-isbaħ ta’ Nicky Paris għen biex Exiles jibdew l-aħħar sessjoni 9-8 minn fuq. It-tamiet ta’ Sirens li jirkupraw sfaxxaw bi tripletta ta’ Fenech u doppjetta ta’ Timmy Sullivan, b’Sirens inaqqsu d-distakk darbtejn lejn it-tmiem.

Sirens: G. Galea Curmi, J. Ciantar, K. Erdogan (2), G. Melillo (1), J. Zerafa Gregory (1), G. Farrugia, L. Falzon (1), I. Riolo (1), J. Napier, M. Cutajar, M. Azzopardi (1), M. Sciberras (3), G. Sammut, L. Grech Carr, L. Galea

Exiles: F. Buhagiar, J. Bajada (1), A. Magri, P. Paris, T. Sullivan (3), S. Xerri de Caro, M. Fenech (8), K. Griscti (1), N. Paris (1), A. Cousin, S. Apap, I. Schembri

Referees: Alex de Raffaele, Ronnie Spiteri