Il-Pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali rnexxielha tkisser ċirku ta’ serq ta’ mowbajls li imbagħad allegatament jinbiegħu kemm fis-swieq lokali kif ukoll barra’ minn Malta.
Fl-aħħar ħin, il-Pulizija waslet biex iżżomm taħt arrest żagħżugħ ta’ 18-il sena, li allegatament seraq numru sostanzjali ta’ mowbajls minn stabbiliment f’Birkirkara. L-allegat serqa seħħet fit-2 ta’ April illi għadda għall-ħabta tas-siegħa u għoxrin ta’ filgħodu.
Mill-investigazzjonijiet illi saru mill-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali rriżulta li żewġ persuni dak il-ħin dehru jisgassaw il-bieb ta’ barra’ tal-istabbiliment u daħlu ġewwa. Malli sabu ruħhom fil-ħanut, iż-żewġ persuni serqu ammont ta’ mowbajls minn fuq l-ixkaffef. B’kollox insterqu 13-il mowbajl li l-valur totali tagħhom huwa ta’ madwar €8,000.
Minn aktar investigazzjonijiet li saru l-Pulizija rnexxielha tasal għal wieħed miż-żewġ persuni li allegatament wettaq din is-serqa u ġie arrestat. Allegatament dan l-individwu jifforma parti minn grupp ta’ persuni nvoluti f’ċirku ta’ serq ta’ mowbajls li imbagħad jinbiegħu fost l-oħrajn fis-swieq barranin. Irriżulta li l-oġġetti li nsterqu fit-2 ta’ April inbiegħu lokalment.
Iż-żagħżugħ arrestat mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat illi ġejjin u jkun akkużat li kkommetta serq ta’ mowbajls, kif ukoll li renda ruħu riċediv.
L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin u mhux eskluż li ‘l quddiem jitressqu aktar persuni l-Qorti.
//= $special ?>

