Mill-ġdid jum rekord fl-ammont ta’ żidiet fil-każijiet globali ta’ Coronavirus.
Dan hekk kif bejn is-Sibt u l-Ħadd l-ammont ta’ każijiet ġodda ta’ persuni li ttestjaw pożittivi kien ta’ 260,000 – l-akbar ammont ta’ każijiet f’ġurnata waħda minn mindu faqqgħet l-imxija tal-Covid-19 fil-bidu ta’ din is-sena.
L-akbar numru ta’ kazi nstabu fl-Istati Uniti, fil-Brażil, fl-Indja u fl-Afrika t’Isfel.
Florida bħalissa qed tkun deskritta bħala l-epiċentru tal-każijiet fl-Istati Uniti. Is-Sibt kien hemm 10,000 każ ġdid u 90 mewta. Infatti t-total ta’ każijiet fi Florida issa jammonta t-337,000.
Fl-Ewropa tal-Punent is-sitwazzjoni tidher aktar kalma, u kollox qed jindika li l-virus jinsab taħt kontroll. Madanakollu fi Spanja, fir-reġjun tal-Katolonja il-każijiet komplew jiżdiedu. Infatti l-bliet maġġuri f’dan ir-reġjun ġew ordnati biex jinżammu fi kwarantina. U Franza bħalissa qed tikkunsidra li tagħlaq il-fruntiera minn ma’ Spanja biex il-virus ma jibqax jinxtered.
Mir-Renju Unit, il-Prim Ministru Brittaniku ssokta bl-appell tiegħu biex il-poplu Brittaniku jibqa’ kawt u jimxi mal-linji gwida li qed jagħtu l-awtoritajiet tas-saħħa. Hu insista li r-Renju Unit ma tiflaħx għat-tieni lockdown, u jeħtieġ li jkun hemm koperazzjoni għal ġid tal-pajjiz kollu.
L-ammont totali ta’ każijiet pożittivi madwar id-dinja kollha huwa ta’ 14-il miljun, filwaqt li l-ammont ta’ imwiet qabżu s-600,000.
//= $special ?>