Lokali

Bank of Valletta u MSV Life b’inizzjattivi biex tiżdied l-edukazzjoni fl-ippjanar finanzjarju

Il-Bank of Valletta u l-MSV Life qed ikomplu jixprunaw l-edukazzjoni finanzjarji u dalgħodu ffirmaw ftehim mal-Gvern li għandu l-għan li jżid l-għarfien finanzjarju fost il-pubbliku, l-aktar f’dak marbut ma ppjanar għall-irtirar.

Dawk involuti se jkunu qed jgħinu biex il-pubbliku jagħraf kif għandu jaħseb għall-ġejjieni tiegħu f’dawk li huma finanzi meta jasal biex jieqaf mix-xogħol.

Kenneth Farrugia, il-Kap tal-Iżvilupp tan-Negozju tal-Bank of Valletta ddeskriva l-edukazzjoni fl-ippjanar finanzjarju bħala vjaġġ, u qal li dan il-ftehim se joffri aktar opportunità għall-edukażżjoni f’dan il-qasam.

Farrugia saħaq dwar l-importanza li wieħed jibda’ jippjana minn kmieni ħafna u jinvesti fi skemi addizzjonali biex meta jasal għall-pensjoni jkun jista’ jgawdi minn dħul ieħor sabiex ikollu livell ta’ għixien aħjar.

Hu fakkar kif il-Bank of Valletta dejjem kien pijunier fl-iskemi ta’ investimenti.

Minn naħa tiegħu, David G Curmi, kelliem għal MSV Life qal li dan huwa mudell li għad irridu nkomplu nibnu fuqu.

Hu saħaq li permezz ta’ ftehim ta’ dan it-tip, dak li jkun, meta jasal għall-irtirar, ikun jista jibqa’ jgawdi mill-istess standard of living li jkun dara bih qabel il-pensjoni.

L-iffirmar ta’ dan il-memorandum of understanding sar propju f’Palazzo Ferreria – sede tal-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali.