Coronavirus Lokali

Il-pandemija ġġiegħel lil numru ta’ negozji jagħlqu

“Ma rnexxilhomx ilaħqu mal-pagi u l-kirjiet”

Minkejja li l-ħajja normali reġgħet irritornat b’numru ta’ nies jifirxu passejhom ‘il barra minn djarhom wara ġimgħat sħaħ ġewwa – numru ta’ negozji baqgħu iħossu l-konsegwenzi kiefra tal-pandemija tal-Covid-19 – tant li t-toqol kien wieħed insapportabbli.

Il-Malta Chamber innotat mal-ġurnal Times of Malta li numru minnhom kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom wara ġimgħat ta’ nuqqas kbir ta’ attività kummerċjali, u l-istess kamra qed tbassar li mistennija jagħlqu aktar. Studju mwettaq mill-Kamra tal-Kummerċ wera li apparti stabbilimenti tar-retail, qed isibuha bi tqila li jdawwru r-rota ekonomika tagħhom ukoll ristoranti u stabbilimenti tad-divertiment – dan minħabba l-fatt li qed isibuha diffiċli jħallsu l-pagi u l-kirjiet – partikolarment dawk in-negozji li ma gawdex minn xi sussidju tal-Gvern.

Il-President tal-Malta Chamber, David Xuereb spjega wkollspjegaw li 75% tal-membri tagħhom mhux qed ibassru li n-negozju ser ikun qed jirritorna għal dak ta’ qabel ma’ feġġet il-pandemija f’Malta sa qabel Marzu 2021. Huma saħqu li l-inċertezza hija kbira.

Il-Malta Chamber insistiet li huwa importanti li minkejja kollox, il-pubbliku xorta waħda jibqa’ jsegwi l-linji gwida tal-Awtoritajiet tas-Saħħa biċ-ċittadini japprezzaw li l-Covid-19 għadu fostna bil-għan li s-sagrifiċji li għamlu bosta ma jissarrafx f’suf.

Dan kollu filwaqt li l-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera u r-Ristoranti (MHRA) spjegat mal-ġurnal Times of Malta li ma waslitilha ebda informazzjoni li kien hemm membri tagħha li għalqu madanakollu kkonfermat li preżentament dan il-business qed jiġi deskritt li qed jaħdem bħala ‘survival mode‘ – jiprovaw kemm jgħaddu.

Philip Fenech, kelliem għat-turiżmu u l-ospitalità f’isem il-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji, spjega li mix-xena lokali tad-Divertiment hemm min qed idawwar ir-rota ekonomika tiegħu b’mod mgħaġġel madanakollu innota wkoll li hemm min għadu lanqas biss beda u qed iħabbat wiċċu ma’ inkwiet kbir. Dan filwaqt li spjega li fuq nota pożittiva lejn l-aħħar ta’ Awwissu mistennija jiġu numru kbir ta’ turisti b’rabta ma’ numru ta’ kunċerti mużikali li ser ikunu qed isiru fejn s’issa diġà hemm mal-5,000 turist li ġejjin tul dan iż-żmien.

Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni għat-Turiżmu Għawdxija, Joe Muscat, sostna li preżentament in-negozji f’Għawdex qed ikollhom ħafna xogħol fi tmiem il-ġimgħa, iżda jbatu fil-ħamest’ijiem ta’ qabel. Madanakollu, kompla jgħid li s-sidien tal-ħwienet Għawdxin qed jibżgħu mix-xahar ta’ Ottubru u l-possibilità tat-tieni mewġa.