Hekk kif fit-3pm bdew jaslu il-mexxejja Ewropej għar-raba’ jum tas-summit tal-UE, il-President Franċiż Emanuel Macron qal li dawn huma mument diffiċli u ta’ tensjoni għal kulħadd. Iżda jemmen li b’rieda tajba llum jaf jintlaħaq qbil.
Macron kien qed jikkummenta mal-ġurnalisti eżatt qabel daħal għall-Kunsill Ewropew fil-qalba tal-kapitali Belġjana.
Il-President Franċiż sostna li “hemm spirtu ta’ kompromess” bejn il-mexxejj tas-27 pajjiż membru.
Bħalissa il-Kunsill qed jiddiskuti proposta tal-President Michel għall-Pjan ta’ Irkupru kontra l-Covid-19, kif ukoll diskussjoni – inqas kontroversjali – dwar il-pakkett finanzjarju tal-UE għas-7 snin li ġejjin.
Fl-aħħar minuti waslet ukoll Angela Merkel li minn naħa tagħha qalet li hemm bażi tajba għal qbil fuq ir-Recovery Fund.
Il-Ġermanja u Franza kienu ż-żewġ pajjiżi li mbuttaw ‘il quddiem dan il-pjan biex l-UE tqum fuq saqajha wara d-daqqa tal-pandemija. Pajjiżi bħall-Olanda u l-Awstrija għadhom xettiċi dwar kemm għandu jkun is-sussidju li jingħata għall-istati l-aktar milquta.
Malta ukoll għandha tagħmel il-pożizzjoni tagħha fis-sigħat li ġejjin biex pajjiżna jipprova jikseb pakkett (apparti l-għajnuna tal-Covid) li jkun akbar minn dak tal-2013.
Dwar ir-Recovery Fund, għadu mhux ċar jekk il-Prim Ministru Robert Abela hux jappoġġja t-tnaqqis fl-għotjiet finanzjarji.
