Ir-Royal Malta Yacht Club organizzat l-ewwel tellieqa offshore minn meta reġgħu bdew isiru t-tlielaq. Din kienet it-tellieqa lejn Marina di Ragusa. L-avveniment seħħ wara li sar possibbli t-tbaħħir lejn Sqallija. Minkejja l-avviż qasir it-tellieqa attirat flotta mdaqqsa. Taħt id-direzzjoni tal-Uffiċjal tat-Tlielaq Peter Dimech u t-tim ta’ voluntiera tiegħu, il-flotta telqet lejn Sqallija, il-Ġimgħa filgħodu. Minkejja l-flotta kienet maqsuma fi tliet klassijiet – IRC, Club Cruiser u Multihull, Dimech iddeċieda jagħmel bidu wieħed għal kulħadd, bil-flotta titlaq minn Marsamxett fit-8.00am. Il-kundizzjoni tar-riħ kienu madwar ħames mil nawtiku.
Malta – Ragusa
Għalkemm it-tbassir tar-riħ ħafif ma tantx kien inkoraġġanti, iż-żiffa kienet aħjar milli mistennija u kostanti biżżejjed biex tippermetti lid-dgħajjes jagħmlu progress pjuttost tajjeb mingħajr waqfien. Id-dgħajjes aktar veloċi waslu f’Ragusa kmieni filgħaxija, bil-jott Xpresso ta’ Sean Borg jasal l-ewwel. Huwa kien segwit ftit tal-ħin wara minn Maltese Falcon ta’ Jonathan Camilleri Bowman. Minkejja bidu tajjeb, Comanche Raider kellu xi sfidi tekniċi li rriżulta bl-irtirar tiegħu. Inspiration ta’ Godwin Zammit spiċċa 12-il sekonda biss wara l-iskadenza tal-ħin stabbilit, filwaqt li d-dgħajjes li fadal kellhom rtiraw.
Ragusa – Malta
Il-kundizzjoni tat-temp kienu mistennija li jkunu aħjar għar-ritorn lejn Malta. Ir-riħ kostanti mit-Tramuntana għen sabiex il-flotta jkollha ritmu mgħaġġel minkejja perjodu qasir li fih ir-riħ naqas. Ladarba ż-żiffa reġgħet qabdet, it-tellieqa kienet waħda spettakolari li mal-wasla tal-jottijiet ħdejn Tigne Point, ngħata spettaklu lill-għawwiema li kienu fl-inħawi l-Ħadd waranofsinhar.
Wara li sarulha t-tiswijiet meħtieġa f’Ragusa, Comanche Raider III kienet l-ewwel tad-dgħajsa li waslet Malta. Hi kellha battalja mill-qrib matul l-aħħar mili ma’ Xpresso. Comanche Raider III ħadet line honours fuq Xpresso bi tlettax-il sekonda vantaġġ. Madankollu, fl-aħħar kien Time Out ta’ Mario Sant li rebaħ it-tellieqa fuq il-ħin korrett.
Mario Sant wara t-tellieqa ikkummenta dwar il-ħeġġa li l-ekwipaġġ ta’ Time Out kellhom biex jtellqu. Għalkemm kellhom bidu tajjeb, Time Out eventwalment ġew megħluba mid-dgħajjes ikbar – Xpresso & Comanche. Madankollu, huma baqgħu jissieltu sal-aħħar sekonda sabiex jiksbu riżultat tajjeb.
Sadanittant, kien hemm battalja mill-qrib bejn Maltese Falcon u Inspiration għal ħafna ħin matul it-tellieqa. Din spiċċat b’mod spettakolari b’Inspiration tispiċċa fuq quddiem. It-tattika ta’ Zammit uriet l-esperjenza tiegħu. Dan irriżulta wkoll li Inspiration kien l-unika jott li spiċċa fil-Klassi Cruiser.
“Dan it-tmiem il-ġimgħa kien bidu tajjeb għall-programm tat-tlielaq. Ringrazzjament imur lejn il-Porto Touristico ta’ Marina di Ragusa għall-ospitalità tagħhom, iċ-Circolo Velico Kaukana u l-Capitaneria di Porto ta’ Marina di Ragusa għall-għajnuna tagħhom, kif ukoll għall-kumitat tat-tellieqa tal-RMYC u kull min ta l-kontribut lejn l-organizzazzjoni ġenerali.” – Godwin Zammit, Commodore tar-Royal Malta Yacht Club.
L-avveniment li jmiss fil-kalendarju tat-tlielaq tal-klabb hu s-60 Edizzjoni tal-Malta-Syracuse Race li hija skedata li ssir nhar is-Sibt 1 ta ’Awwissu. It-tellieqa se tibda minn Malta u numru tajjeb ta’ dgħajjes Sqallin huma mistennija jieħdu sehem flimkien mal-flotta Maltija. Flimkien mal-Lega Navale Italia, ir-Royal Malta Yacht Club qed jorganizza wkoll it-tieni tellieqa minn Siracusa sa Taormina li se ssir nhar it-Tnejn 3 ta ’Awwissu. Iktar informazzjoni tinstab fuq is-sit elettroniku www.rmyc.org.
//= $special ?>