Iż-żagħżugħ Jude Bellingham ingħaqad ma’ Borussia Dortmund mingħand Birmingham għal somma inizjali ta’ kważi €28 miljun. Bellingham li għandu 17-il sena, għamel l-eżami mediku fil-Ġermanja il-Ħamis li għadda biex b’hekk Dortmund għelbu l-konkorrenza ta’ Manchester United.
Fl-ewwel kummenti tiegħu, il-midfielder Ingliż irringrazzja lil Birmingham ta’ dak kollu li għamlu miegħu mill-età ta’ seba’ snin. Hu qal li d-deċiżjoni kienet faċli għalih wara li ra kemm Borussia Dortmund jgħinu liż-żgħażagħ biex jitjiebu.
Bellingham b’hekk se jkun qed isegwi l-passi ta’ Jadon Sancho li fl-2017 ħalla l-Ingilterra biex ingħaqad ma’ Dortmund u sar wieħed mill-aqwa plejers fil-Bundesliga kif ukoll lagħab mat-tim nazzjonali Ingliż.
Jude Bellingham se jkun jista’ jilgħab l-aħħar logħba ta’ Birmingham fiċ-Championship l-Erbgħa kontra Derby. Imbagħad jingħaqad mal-klabb il-ġdid tiegħu għat-taħriġ ta’ qabel il-bidu tal-istaġun fit-30 ta’ Lulju u kamp ta’ taħriġ fl-Iżvizzera fl-10 ta’ Awwissu.
//= $special ?>