Atletika Sport

Jinkisru żewġ rekords nazzjonali; Daniel Saliba fil-110 metri hurdles u Mireya Cassar fix-shot put

(Ritratti: Dominic Borg u Wally Galea)

L-atleti lokali komplew fuq ir-riżultati pożittivi miksuba matul ix-xahar ta’ Lulju hekk kif inkisru żewġ rekords nazzjonali. L-atleta ta’ Pembroke Athleta Daniel Saliba kiser ir-rekord nazzjonali fil-100 metri hurdles b’ħin mill-aqwa ta’ 15.50 sekonda. Fil-kategorija ta’ taħt it-18-il sena, l-atleta ta’ St. Patrick’s Mireya Cassar kisret ir-r-rekord nazzjoali fix-shot put. Hi tejbet ir-rekord li kellha bi tmien ċentimetri b’tefgħa ta’ 13.42 metru.

Is-sorpriża tal-ġurnata waslet mill-atleta miż-Żimbabwe Lloyd Tadiwanashe Mhiripiri. Dan il-plejer tar-rugby taħt it-tmexxija tal-kowċ Mario Bonello, rebaħ il-100 metru u l-200 metru f’10.94 sekondi u 22.45 sekonda rispettivament. F’din it-tellieqa kien hemm il-ħin eċċellenti għall-atleta paralimpiku ta’ Żurrieq Wolves Antonio Flores. Il-ħin ta’ 12.48 sekonda, kien ifisser rekord nazzjonali paralimpiku fil-kategorija T64 kieku r-riħ f’dak il-mument ma jaqbiżx il-limiti aċċettati mir-regolamenti.

Janet Richard ta’ Pembroke Athleta rebħet l-400 metru tan-nisa b’ħin ta’ 54.54 sekonda u resqet qrib ir-rekord ta’ Tanya Blake ta’ 54.29 li ilu 12-il sena. Claire Azzopardi ta’ Pembroke Athleta spiċċat it-tieni fil-100 metru tan-nisa wara Rebecca Chapman iżda kisbet l-aqwa ħin personali ta’ 12.03 sekonda. Dillon Cassar ta’ Raptorz Running Club għamel id-debutt fl-1,500 metru b’ħin ta’ 4:05.16, tmien sekondi vantaġġ fuq Jean Paul Debono. Cassar kien qed jiġri 24 siegħa biss wara li rebaħ fit-tellieqa tat-triq Fastest 5.

Il-President tal-MAAA Andy Grech esprima s-sodisfazzjon kbir għal dawn ir-riżultati: “Dawn kienu prestazzjonijiet inkredibbli. Qed naraw l-atleti jtejbu l-livell tagħhom ġimgħa wara l-oħra, b’rekords nazzjonali f’kull avveniment. Meta tara dawn ir-riżultati, ngħid li l-pandemija issa hi biss memorja kerha. Proset lill-atleti, kowċis u dawk kollha li ġew jagħtu l-appoġġ tagħhom!”

Riżultati oħra

Charlotte Wingfield pattiet għad-delużjoni tagħha fil-100 metru, b’rebħa fil-200 metru b’ħin ta’ 25.07. Ian Paul Grech ta’ Pembroke Athleta kompla jiddomina l-long jump b’qabża tajba ta’ 7.07 metri, b’Rebecca Chapman tispiċċa l-ewwel fil-kategorija tan-nisa b’6.20 metri.

Luca Farrugia ta’ Rush rebaħ l-400 metru b’50.13 sekonda filwaqt li Christian Luke Chetcuti ta’ Pembroke Athleta, kiseb l-aħjar riżultat tal-istaġun u personali f’1:57.01. L-atleti ta’ Rush AC Luke Farrugia u Luca Martini li fl-aħħar ġimgħat kisbu rekords nazzjonali, reġa’ kellhom riżultati mill-aqwa. Farrugia spiċċa b’tefgħa ta’ 51.59 metru fid-discus filwaqt li Martini temm b’tefgħa ta’ 55.59 metru fil-hammer throw.

Fit-3,000 metru, Imed Ben Moussa ta’ La Salle rebaħ it-tellieqa tal-irġiel f’9:42.58 u Monalisa Camilleri ta’ Libertas rebħet il-kategorija tan-nisa f’10:00.79. L-appuntament li jmiss fl-atletika lokali hu s-Sibt li ġej bis-sitt appuntament għall-kategoriji tat-tfal u żgħażagħ.