Lokali Unjoni Ewropea

AĠĠORNATA: Sigħat kruċjali għas-Summit Ewropew

Angela Merkel iddikjarat “għandna l-qafas għal ftehim iżda għadna ma wasalniex”

Il-Kunsill Ewropew li matulu qed jiġi diskuss ir-Recovery Fund ta’ kontra l-Covid u l-pakkett tal-UE għas-7 snin li ġejjin mistenni jissokta għar-raba’ jum ta’ diskussjonijiet.

F’indirizz lill-media, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel ħabbar li ser ikun qiegħed jibgħat lill-mexxejja l-proposti l-ġodda fejn fi kliemu dawn il-proposti huwa frott il-ħidma kollettiva tax-xogħol li twettaq mal-mexxejja Ewropej. Huwa saħaq li minkejja li huwa konxju li l-aħħar pass ser ikun wieħed diffiċli, jinsab konvint li huwa possibli li jintlaħaq ftehim.

Preżentament għaddejjin taħdidiet bejn il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, il-President Franċiż Emmanuel Macron, il-Prim Ministru Pollakk Mateusz Morawiecki, il-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orbán, il-Prim Ministru tal-Latvja Krišjānis Kariņš, u l-Prim Ministru Olandiż Mark Rutte.

Qabel ma daħal għas-summit, il-Prim Ministru l-ġdid tal-Irlanda stqarr li f’dan il-mument hemm bżonn “rispons bla preċedent” mill-pajjiżi Ewropej.

Il-Prim Ministru Taljan qed jibqa’ kawt, iżda ottimist.

Il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel iddikjarat “għandna l-qafas għal ftehim iżda għadna ma wasalniex”

U l-Prim Ministru Olandiż donnu qed jilqa’ b’mod aktar pożittiv il-proposta l-ġdida li ressaq il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel.