Lokali

Jiżdied b’eluf in-numru ta’ persuni li applikaw għall-benefiċji tal-qgħad

Mad-93,000 persuna jieħdu xi tip ta' pensjoni

Hekk kif il-qgħad f’pajjiżna għadu tiela’ ‘l fuq minn kemm ilha li faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19, kompla jikber ukoll in-numru ta’ persuni li qed jirreġistraw għall-benefiċċji tal-qgħad mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

Din il-konferma waslet mill-istess Ministru responsabbli minn dan il-qasam.

“GĦANDEK ŻIEDA F’DAWK LI HUMA PERSUNI LI QED JIRREĠISTRAW GĦALL-QGĦAD. GĦALKEMM HIJA XI ĦAĠA LI ĠĠELIDNA KONTRIHA BĦALA PAJJIŻ, ILLUM GĦANDNA REALTÀ… GĦANDNA DIN IŻ-ŻIEDA. IŻ-ŻIEDA MHIJIEX INKWETANTI… QED NITKELLMU FUQ FTIT ELUF– MICHAEL FALZON

L-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatisika, kkwota żieda ta’ kważi 30% fil-qgħad fl-ewwel kwart ta’ din is-sena u n-numru hu maħsub li kompla żdied minn dakinhar.

Il-Ministru Michael Falzon ikkonferma wkoll li kien hemm żieda żgħira f’talbiet għal għajnuniet oħra, madankollu huwa qal li ż-żieda ma kienitx waħda sostanzjali.

Intant, waqt li kien qed jitkellem f’attività li saret fil-Ministeru tiegħu, Michael Falzon qal li pajjiżna qed jiffaċċja sfidi demografiċi fejn kwart tal-poplazzjoni għandha ‘l fuq minn 65 sena, b’aktar minn 93,000 persuna li qed jieħdu xi tip ta’ pensjoni.

Michael Falżon żvela wkoll fatt preokkupanti meta qal li fl-aħħar snin, pajjiżna ma ra l-ebda żieda fid-dħul mill-kontribzzjoni tal-NI, jew kif inhi magħrufa aħjar bħala l-bolla.

Dan minkejja li f’pajjiżna rajna żieda ta’ aktar minn 50,000 ħaddiem barrani rreġistrat  – 20,000 matul is-sena l-ohra weħidha.

Falzon saħaq li fi ftit tas-snin oħra, l-Maltin mhux se jkunu jistgħu iserrħu fuq il-pensjoni tal-Gvern biss u għaldaqstant ser ikun importanti li persuni jaħsbu biex jinvestu fi skemi privati sabiex ikunu jistgħu jgħixu ħajja deċenti.

Waqt l-istess attivita’, staqsejna wkoll lill-Ministru Falzon jekk, minn mindu nstab il-Memorandum of Understanding tal-Vitals, kellux iċ-ċans li jara dan il-ftehim. Il-Ministru wieġeb li hu ma kienx rah.

Jidher li dan id-deal allura, qed jinżamm mistur, anke minn għadd ta’ Ministri tal-Gvern; l-istess Gvern Laburista li ffirma dan il-ftehim skandaluż.