Juventus għamlu l-pass deċiżiv lejn ir-rebħ tad-disa’ kampjonat konsekuttiv. Huma għelbu 2-1 lil Lazio f’konfront dirett u fetħu distakk ta’ tmien punti meta għad fadal erba’ logħbiet biss għal tmiem il-kampjonat. Din kienet l-ewwel rebħa ta’ Juventus wara tliet logħbiet filwaqt li Lazio komplew bis-serje negattiva ta’ kemm ilu li tkompla l-kampjonat.
Fl-ewwel taqsima ż-żewġ timijiet laqtu l-lasta darba kull wieħed. L-ewwel kien Alex Sandro li fil-11-il minuta laqta l-lasta fil-11-il minuta biex fl-44 minuta Ciro Immobile sammar il-ballun mal-wieqfa. Juventus fetħu l-iskor fil-50 minuta meta ngħataw penalty wara li x-xutt ta’ Cristiano Ronaldo ħabat ma’ id Bastos, b’id il-plejer tkun fil-kaxxa. Mill-11-il metru nkariga ruħu s-solitu CRISTIANO RONALDO li għeleb lil Thomas Strakosha b’xutt preċiż.
Għaddew tliet minuti u t-tim ta’ Maurizio Sarri rdoppja. Minn żball ta’ Luiz Felipe f’nofs il-grawnd, Paulo Dybala avvanza waħdu flimkien ma’ CRISTIANO RONALDO, b’tal-aħħar jirċievi l-ballun u xeħet f’lasta vojta. Fis-66 minuta l-Portugiż mar qrib it-tripletta iżda d-daqqa ta’ ras ħabtet mal-mimduda.
Lazio daħlu fil-logħba fit-83 minuta għal fawl ta’ Leonardo Bonucci fil-kaxxa fuq CIRO IMMOBILE. L-istess plejer għeleb lil Wojciech Szczesny mill-11-il metru biex skorja t-30 gowl fil-kampjonat u laħaq lil Cristiano Ronaldo. Juventus kienu kostretti jiddefendu l-aħħar minuti iżda ddefendew b’għaqal għal rebħa importanti.
//= $special ?>