Lokali

Konferma li fil-Montenegro qed jinvestigaw l-iskandlu tal-Wind Farms

Il-Parlament ta’ wieħed mill-aktar pajjiżi korrotti fid-dinja, il-Montenegro, ħa pożizzjoni ċara dwar l-iskandlu tat-turbini tar-rih …tant illi qed jorbot dan id-deal skandaluż, mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-Oppożizzjoni fil-Montenegro imbutatta biex jiġi mwaqqaf Kumitat Parlamentari Speċjali sabiex jiġi investigat il-ftehim kontroversajli tal-Wind Farms f’Mozura.

Fi kliemhom, dan il-ftehim għandu konnotazzjonijiet kriminali u pajjiżhom iċċappas ma’ persuni politiċi li diġà kellhom jagħtu r-riżenji tagħhom fosthom l-eks Prim Ministru ta’ Malta, Joseph Muscat.

Ix-xogħol ta’ dan il-kumitat diġà beda billi l-Oppożizzjoni Montenegrina avviċinat lill-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi fejn spjega li rċieva komunikazzjoni mingħand l-Oppożizzijoni ta’ dan il-pajjiz fil-Balkani.

F’email mibgħuta lilu mill-Membru Parlamentari Montenegrin u eks mexxej tal-Partit Soċjalista, Srdan Milic, ġie spjegat li l-kumitat ser ikun qed jinvestiga kull aspett b’rabta ma’ dan l-iskandlu, inkluż il-korruzzjoni endemika li ħatfet lill-pajjiż. Għaldaqstant talab għal koperazzjoni essenzjali ta’ Jason Azzopardi, b’mod speċjali fil-ħidma tiegħu fi ħdan il-Parlament Malti.

Srdjan Milic

Permezz ta’ post fuq il-midja soċjali ta’ Facebook, il-Membru Parlamentari Nazzjonalista irrimarka l-importanza tal-fatt li l-Oppożizzjoni Montenegrina qed torbot dan l-iskandlu mal-korruzzjoni li għandha għeruq fondi mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Sussegwentament huwa stqarr li din l-azzjoni tispikka ankè fid-dawl li l-Parlament Malti jinsab passiv quddiem dan l-iskandlu.

Jason Azzopardi insista ma’ Net News li l-Pulizija Maltija s’issa għadha lanqas biss interrogat lil Konrad Mizzi, dak iż-żmien responsabbli mill-Ministru għall-Enerġija u wisq inqas bagħtet għall-uffiċjali tal-Enemalta, li dak iż-żmien kienu responsabbli minn dan il-proġett, sabiex jiġu mitkellma.

Huwa saħaq li ser ikun qed jagħti l-appoġġ kollu meħtieġ lill-Oppożizzjoni Montenegrina sabiex toħroġ il-verità u ssir ġustizzja.