Irid jieħu l-arretrati kollha lura u l-iskala tal-grad li kienet ġiet iffriżata
Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul ikkonfermat sentenza mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fejn l-eks Kummissarju tal-Pulizija Pietru Pawl Zammit bħala eks-Kummissarju tal-Pulizija, kien instab ħati dwar trattament ħażin fil-konfront tal-Ispettur Elton Taliana.
Grazzi għal din il-konferma l-Ispettur Taliana, issa jrid jieħu lura l-arretrati kollha lura li nżammu lilu, li jikkonsistu wkoll f’pagi, increments u pagamenti lura b’żewġ skali wara li huwa tħalla fi skala tmienja meta suppost tela’ għal skala sitta, grad ta’ Spettur Anzjan.
F’Settembru li għadda l-Ombudsman diġa kien qal li qiegħda isseħħ persekuzzjoni fil-konfront tal-uffiċċjal tal-Pulizija, meta seta ttellifflu ċ-ċans li huwa jiġi promoss għall-grad ta’ Supretendent.. Il-każ kellu l-bidu tiegħu fil-każ ta’ ċertu Daryl Luke Borg.
Taliana kien mgħarraf minn Supretendent fil-Korp li dakinhar l-Iskwadra Investigazzjonijiet Kriminali kienet ressqet persuna – lil Daryl Luke Borg – quddiem il-Qroti tal-Maġistrati b’rabta ma’ serqa. Borg ma kienx ingħata il-ħelsien mill-arrest.
Taliana kien irċieva tagħrif minn informatur li qallu min kienet il-persuna li kienet involuta fl-istess hold-up, u li kienet differenti minn dik li kienet tressqet il-Qorti. Fuq is-saħħa ta’ dan it-tagħrif, l-Ispettur Taliana kiseb l-awtorizzazzjoni mingħand il-Maġistrat tal-Għassa biex jarresta lill-persuna indikata lilu.
L-Ispettur Taliana għarraf b’dan lill-Maġistrat tal-Għassa u kien ordnat biex iressaq lill-persuna konċernata minnufih quddiem il-Qorti. Kien Roderick Grech li tressaq il-Qorti u quddiem il-Maġistrat hu ammetta l-involviment tiegħu fil-hold-up u dakinhar stess il-Qorti tat is-sentenza tagħha dwar dan il-każ.
Taliana kien ġie mċanfar skorrettement u saru proċeduri kontrih dwar dan. Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kienet sabet li l-għemil tal-Bord tal-Pulizija, fl-istħarriġ tal-każ kontra l-Ispettur Elton Taliana, u li ntemm bi ħruġ ta’ rapport tas-26 ta’ Awwissu 2013, “ma jiswiex għaliex imwettaq lil hinn mis-setgħet mogħtija lilu mil-Liġi u liema għemil hu bla effett fil-Liġi u għalhekk il-Qorti qiegħda tħassar dak l-għemil.”
Kull ma bidlet mis-sentenza l-Qorti tal-Appell kienet li Manuel Mallia, bħala eks-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali ma jiċċentrax fil-każ. Il-każ ‘Daryl Luke Borg’ fir-rigward ta’ din is-sentenza jmur lura għall-24 ta’ Frar tal-2014, meta l-Ispettur Elton Taliana talab lill-Qorti biex issib l-għemil tal-Bord tal-Pulizija bħala null u ma jiswiex u li ma għandu l-ebda effett għaliex l-għemil tal-imsemmi Bord tal-Pulizija kien imur lil hinn mis-setgħet tiegħu.
Dan ukoll għaliex ma ħarisx il-prinċipji tal-ġustizzja naturali hu u jwettaq xogħol kif ukoll għaliex ma segwiex ħtiġijiet proċedurali u anki għaliex jammonta għal abbuż tas-setgħat tiegħu għaliex imtebba’ b’għanijiet mhux xierqa u abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet irrilevanti.
Barra minhekk dan kollu kien imur ukoll kontra l-Liġi billi ma jħarisx id-dispożizzjonijiet tal-Kapitlu 164 tal-Liġijiet ta’ Malta li jwaqqaf u li jirregola l-għemil tal-istess Bord tal-Pulizija.
Wara li kien ressaq lil persuna t-tajba l-Ispettur Taliana ssejjaħ fid-Depot tal-Pulizija biex ikollu laqgħa għand il-Kummissarju tal-Pulizija flimkien ma’ uffiċjali oħrajn tal-Korp.
L-għada kien irċieva ordni minn superjur tiegħu, biex jerġa’ jmur id-Depot bid-dokumenti li kellu dwar l-investigazzjonijiet li kien għamel dwar dan il-każ.
Fl-istess jum, il-Bord tal-Pulizija tlaqqa’ b’urġenza fil-bini tal-Ministeru tal-Intern biex jinvestiga l-aġir tal-Ispettur Elton Taliana. Il-Bord tal-Pulizija suppost li kellu l-kompitu li jinvestiga l-aġir tal-Pulizija kollha involuti invista li dwar l-istess każ kienu tressqu l-Qorti żewġ persuni.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti, kompliet li “fir-rigward tal-Kummissarju tal-Pulizija – Pietru Pawl Zammit – mid-dokumenti mressqa jirriżulta li dan kien il-persuna li ħatar inkjesta interna u, minkejja li dik l-inkjesta ma kinitx tirrigwarda l-imġiba tal-attur – imma ta’ kollegi oħrajn tiegħu – ħareġ akkużi kontra l-Ispettur Elton Taliana u nieda l-proċeduri dixxiplinarji quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Il-Qorti tal-Appell għalhekk ikkonfermat l-ewwel sentenza u sabet lill -eks-Kummissarju tal-Pulizija Pietru Pawl Zammit, ħati ta’ aġir irregolari u lil hinn mis-setgħat mogħtija lilu mil-Liġi fir-rigward ta’ dan il-każ. Għall-Ispettur Taliana deher l-Avukat Joe Zammit Maempel.