Is-summit tal-mexxejja Ewropej li għaddej bħalissa fi Brussell jaf jitniżżel bħala l-aktar wieħed li qatt ħa daqshekk fit-tul fl-istorja tal-Kunsill, hekk kif sa kmieni dalgħodu kien għadu ma ntlaħaq ebda qbil bejn is-27 pajjiż membru.
Il-mexxejja tal-UE ilhom mill-Ġimgħa jiddiskutu r-Recovery Plan għal kontra l-Covid u l-pakkett finanzjarju għas-seba’ snin li ġejjin. Iżda sal-lum għad hemm reżistenza mill-Awstrija, id-Danimarka, l-Iżvezja u anke l-Olanda.
L-akbar nuqqas ta’ qbil huwa dwar il-mekkaniżmu ta’ kif se jitqassmu l-flus; jekk hux f’forma ta’ self jew injezzjoni diretta ta’ fondi.
Rapporti qed jindikaw li l-laqgħa tal-Ħadd baqgħet għaddejja sal-5:30am, bl-aħħar proposta tal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel tkun tinkludi €390 biljun fi grants għar-Recovery Fund. Dan il-pakkett hu ferm inqas minn dak li kienu qed jipproponu Franza u l-Ġermanja. Magħhom hemm Spanja u l-Italja – żewġ pajjiżi fost l-aktar affetwati mill-pandemija li jridu messaġġ ċar ta’ solidarjetà u għajnuna minn sħabhom.
Issa, hu mistenni li d-diskussjonijiet ikompli illum fl-4pm, għalkemm mhux ċar jekk il-pajjiżi jinsabux eqreb għal ftehim.
L-indikazzjonijiet juru wkoll li hemm diversi pajjiżi li jridu jorbtu l-għajnuna finanzjarja tal-UE ma’ ċertu standards relatati mal-governanza tajba u s-saltna tad-dritt; prijorità li l-UE qed tagħfas ferm fuqha.
Is-sit Politico qed jiżvela wkoll battibekk jaħraq li qam waqt il-laqgħa meta l-Kanċillier tal-Awstrija Sebastian Kurz qabad u ħareġ mill-kamra biex iwieġeb il-mobile. F’dan il-ħin żbroffa l-President Franċiż Emanuel Macron illi quddiem sħabu stqarr li din hi attitudni ħażina ta’ xi ħadd li assulutament ma jimpurtahx, u ma jridx jisma.
