Lokali Qorti

Libertá kundizzjonata fuq fastidju sesswali aggressiv

Albaniż ta’ 32 sena ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jikkommettix reat ieħor fi żmien sentejn wara li ammetta li aktar kmieni dan ix-xahar fix-Xlendi, limiti tal-Munxar, Għawdex ikkommetta att ta’ natura sesswali mingħajr kunsens.

Huwa wettaq dan ir-reat f’ħanut fejn kien agressiv ħafna mal-vittma u li f’mument minnhom imbutta mal-ħajt bil-mara tispiċċa tgħajjat għall-għajjut u ftit tal-ħin wara waslu l-Pulizija li arrestaw lir-raġel.

Ervis Maliqi residenti x-Xlendi ammetta quddiem il-Qorti ta’ Għawdex li fil-5 ta’ Lulju għall-ħabta tal-11.20pm. meta kien fil-“Front Bar” fix-Xlendi, kkommetta dan ir-reat fil-konfront ta’ mara Ingliża waqt li kien xurban.

Maliqi ammetta wkoll li offenda l-pudur jew il-morali b’għemil li sar f’post pubbliku li bl-imġieba tiegħu wera l-intenzjoni ta’ konnotazzjonijiet sesswali, inklużi kliem bil-fomm, mossi u mod ieħor li jistgħu jkunu kkunsidrati bħala offensivi, umiljanti, degradanti, u jew intimidatorji lejha.

Ammetta wkoll li qal kliem oxxen jew indeċenti, jew ghamel atti jew ġesti oxxeni u li offenda l-morali, l-imġieba xierqa jew id-deċenza pubblika. Il-Maġistrat Brigitte Sultana kkunsidrat il-fatt li l-Albaniż ammetta l-akkużi fi stadju bikri tal-proċeduri u l-kondotta nadifa tiegħu.

Hija wissietu l-konsegwenzi serji skont il-liġi jekk huwa jikkommetti reat ieħor matul dan il-perjodu ta’ libertà kundizzjonata. Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-mara li tipprojbixxi lill-Albaniż milli javviċina jew b’xi mod isegwi l-movimenti tagħha.

Ordnatlu wkoll li ma jkollux u kull aċċess lejn ir-residenza fejn il-persuna offiża tkun qegħda tgħix, taħdem jew tiffrekwenta. Ġiet ordnata wkoll projbizzjoni milli jikkuntattja jew jimmolesta lill-persuna offiża. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josef Gauci.