Lokali Qorti

Ma jinstabx ħati li kien konxju li kellu l-kokaina u droga oħra fil-garaxx tiegħu

Raġel ta’ 46 sena minn San Ġwann ma nstabx ħati li d-droga li kważi 11-il sena ilu nstabet fil-garaxx tiegħu kien konxju dwarha u li b’xi mod din kienet propjetà tiegħu.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Natash Galea Sciberras qalet li milli semgħet ma tistax tiskarta t-teżi tal-imputat Reuben Micallef li l-oġġetti li kien fihom traċċi tal-kokaina u pilloli Stilnox sabu ruħhom fil-garaxx tal-fond in kwistjoni mingħajr lanqas biss ma kien jaf.

Għalhekk ma tistax tasal sabiex tikkonkludi li ġie ppruvat, fil-grad rikjest mil-liġi, li Micallef kien fil-pussess tas-sustanzi u għal dawn il-motivi, il-Qorti sabet lill-imputat mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u lliberatu. Il-Qorti ordnat ukoll id-distruzzjoni tad-droga misjuba u oġġetti relatati magħha.

Micallef ma nstabx ħati li fil-11 ta’ Diċembru 2009 u fil-ġimgħat ta’ qabel din id-data kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina u li naqas li jipprova li d-droga msemmija ġiet fornuta lilu għall-użu tiegħu. Lanqas ma nstab ħati li kellu mediċina speċifikata u psikotropika (Stilnox) mingħajr awtoriżżazzjoni.

Huwa kien tressaq mill-Ispettur Johann J. Fenech li qal li kienu  wettqu tfittxija fir-residenza tiegħu fid-dawl ta’ suspett illi kellu fil-pussess tiegħu materjal pornografiku li jirrigwarda minorenni.

Kienet saret tfittxija, li ma ħalliet l-ebda riżultat pożittiv in kwantu tali materjal pornografiku, bl-uffiċjali tal-pulizija preżenti sabu xi oġġetti relatati mal-abbuż tad-droga f’xi kaxxi tal-kartun li kienu jinsabu fil-garaxx tiegħu.

Ix-Xjenzat Godwin Sammut fl-analiżi tiegħu, kien nforma lill-Ispettur Fenech li kien sab mgħarfa, żewġ kuċċarini u f’tubu talplastik, kien sab traċċi tal-kokaina. L-Ispettur Fenech qal illi ma ttieħdux impronti diġitali minn fuq l-oġġetti elevati. Fil-post, kienu jabitaw ukoll il-ġenituri tal-imputat.

Qal ukoll li skont informazzjoni li ngħatat lilu mill-uffiċjali li wettqu t-tfittxija, tali oġġetti li ġew elevati mill-garaxx tar-residenza, huwa ma kienx f’posizzjoni jgħid jekk fl-istess garaxx kienx hemm affarijiet li jappartjenu lil terzi.

Waqt-kontro-eżami, l-Ispettur Fenech, mistoqsi jekk kienx infurmat illi l-ġenituri tal-imputat kienu jikru l-proprjetaˋ u li fil-garaxx kien hemm għamara ta’ din il-proprjetaˋ, huwa jwieġeb illi l-imputat kien qallu li l-oġġetti li nstabu kienu f’kaxxi, fost ħafna imbarazz ieħor, li kienu jintużaw fl-uffiċċju li minnu kien jaħdem l-imputat f’xi żmien.    

Ħareġ ukoll mill-provi wkoll li missier l-imputat kien ukoll jikri l-appartamenti għal tul ta’ żmien, u kien hemm min xi għamara tal-appartamenti li tiġi maħżuna f’dan il-garaxx u li għalhekk huwa ma kienx jaf x’fihom dawk il-kaxxi li fihom instabet id-droga.

Fix-xhieda tiegħu, qalet il-Qorti Micallef jerġa’ jsemmi l-fatt li għaddew seba’ snin minn dan kollu u qal li apparti l-għamara li kienet ġejja mill-uffiċju mikri lil terzi, fil-kaxxi kien hemm oġġetti ġejjin minn appartamenti li missieru kien jikri lil terzi persuni. Minħabba nuqqas ta’ provi l-imputat ġie lliberat minn kull akkuża.