Tarbija tat-twelid u Bulgara li qed tistenna tarbija kellhom jittieħdu b’urġenza l-Isptar Mater Dei wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku f’ħabta bejn 5 vetturi fil-Mosta.
Il-każ seħħ ftit qabel il-5 tat-Tnejn waranofsinhar fi Triq il-Kostituzzjoni meta għal xi raġuni seħħet ħabta bejn karozza misjuqa mill-barranija ta’ 28 sena, vettura misjuqa minn żagħżugħ ta’ 18-il sena mill-Mosta u vettura oħra misjuqa minn Mosti ta’ 59 sena.
Involuti fil-ħabta kien hemm ukoll żewġ vetturi pparkjati fejn f’waħda minnhom kien hemm żagħżugħ ta’ 25 sena mill-Fgura fejn abbord il-karozza miegħu kien hemm ukoll tarbija ta’ sitt’ijiem.

Fil-post ġie msejjah minnufih tim mediku li taw l-ewwel għajnuna lill-persuni involuti u sussegwentament ambulanza ħadet l-isptar lill-mara tqila flimkien mat-tarbija.
Fortunatament it-tarbija ġiet ċertifikata li ma ġarbet ebda ġrieħi, filwaqt li l-mara inżammet l-isptar taħt osservazzjoni.
Ġew msejħa wkoll uffiċjali tal-Pulizija li kkontrollaw it-traffiku wara li din it-triq prinċipali fil-Mosta ngħalqet għal xi ħin. Inevitabbilment inġemgħat konġestjoni tat-traffiku qawwija għal xi ħin, bil-Pulizija jħeġġu lis-sewwieqa jevitaw l-inħawi għal xi ħin.
