Qorti

Ordni biex il-maħfra Presidenzjali mogħtija lil Melvin Theuma tiġi esebita fil-Qorti

Il-Maġistrat Rachel Montebello li qed tisma’ l-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b’kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, laqgħet talba magħmula mid-difiża tiegħy biex tiġi esebita l-maħfra Presidenzjali mogħtija lil Melvin Theuma.

Din id-deċiżjoni ngħatat kameralment mill-Maġistrat Montebello f’mossa ferm importanti mid-difiża ta’ Fenech mmexxija mill-avukati Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca.

Fenech għamel din it-talba nhar il-Ħamis hekk kif qed jikkontesta x-xhieda ta’ Melvin Theuma fejn il-Prosekuzzjoni qalet li m’għandhiex f’idejha kopja awtentika tal-maħfra, hekk kif huwa qed jgħid li dan id-dokument maħruġ mill-president favur Theuma, għandu jagħmel parti mill-provi relatati mal-qtil ta’ Caruana Galizia 2017 u reati oħra, għandu jkun ta’ aċċess anke għad-difiża.

Id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia kien intervjena dwar dan fejn spjega li kien hu li ta parir lill-Prosekuzzjoni biex dan id-dokument, “definittivament ma jiġix esibit.”

Galea Farrugia argumenta li l-preżentazzjoni tad-dokument tal-maħfra ta’ Theuma jista’ jkun ta’ preġudizzju għal każijiet oħra li Theuma allegatament għandu informazzjoni dwaru.

Madankollu l-avukati ta’ Fenech ikkwotaw każijiet preċedenti li fihom dokument simili kien ġie esibit fir-reġistru tal-Qorti. Yorgen Fenech, qed iwieġeb mhux ħati tal-kompliċità fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Għaldaqstant il-Qorti issa ħadet passi biex issolvi l-kwistjoni, u laqgħet parzjalment it-talba ta’ Fenech u ddikjarat li l-ispettur Arnaud għandu jixhed dwar il-kontenut tal-maħfra wara bibien magħluqa.

Din id-deċiżjoni ngħatat it-Tnejn filgħaxija, permezz ta ’digriet li fih il-Maġistrat Rachel Montebello osservat li l-prerogattiva tal-maħfra, mogħtija mill-President skond l-artikolu 93 tal-Kostituzzjoni, kienet ġiet esibita f’diversi proċeduri, kemm kriminali kif ukoll ċivili.

Il-Qorti qalet li ma kien hemm xejn fil-liġi li tipprekludi milli tali dokument jiġi preżentat. Qalet ukoll li għandhom jiġu sodisfatti dawk il-kundizzjonijiet relevanti li għandu juri d-dokument innifsu, u żiedet li dan għandu jkun ġust u utli anke għall-finijiet tal-kompletezza.

Il-Qorti għalhekk ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jesebixxi d-dokument tal-maħfra ta’ Theuma fis-seduta li jmiss nhar l-Erbgħa li ġejjin, mingħajr madankollu ma jkun żvelat xi informazzjoni marbuta ma’ reati oħra li dwarhom Theuma huwa mistenni jixhed fuq provi iżda li mhumiex relatati mal-każ ta’ Yorgen Fenech.