Lokali

Sentejn ħabs wara li seraq 13-il mobajl li jiswew viċin it-€8,000

Żagħżugħ ta’ 18-il sena mwieled il-Libja u li huwa resident l-ħabs ġie kkundannat sentejn ħabs mill-Maġistrat Rachel Montebello wara li ammetta li  fit-2 ta’ April li għadda seraq 13-il mobajl li jiswew viċin it- €8,000 għad-dannu tal-kumpanija Vodafone.

Abdulani Abderahman ammetta li wettaq din is-serqa għall-ħabta tas-siegħa u għoxrin ta’ filgħodu mill-ħanut tal-kumpanija Vodafone f’Birkirkara.

Il-Qorti nfurmat liż-żagħżugħ li l-massimu għal dan ir-reat huwa ta’ seba’ snin ħabs u l-minimu huwa ta’ 13-il xahar u li jista’ jinżel bi grad peress li meta wettaq dan ir-reat kien għadu taħt l-eta. Madankollu l-Qorti riedet tieħu nkonsiderazzjoni li l-akkużat sar reċediv.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Shawn Pawney talbet lill-Qorti għal sentenza ta’ ħabs fil-konfront tal-ħati iżda qalet ukoll li huwa kkopera mal-Pulizija, xi ħaġa li saħqet ukoll dwarha l-Avukat Graziella Tanti li deheret għalih.

Kienu l-Pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali rnexxielha tkisser ċirku ta’ serq ta’ mowbajls li imbagħad allegatament jinbiegħu kemm fis-swieq lokali kif ukoll barra’ minn Malta.

Mill-investigazzjonijiet illi saru mill-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali rriżulta li żewġ persuni dak il-ħin dehru jisgassaw il-bieb ta’ barra’ tal-istabbiliment u daħlu ġewwa.

Malli sabu ruħhom fil-ħanut, iż-żewġ persuni serqu ammont ta’ mowbajls minn fuq l-ixkaffef. Minn aktar investigazzjonijiet li saru l-Pulizija rnexxielha tasal għal wieħed miż-żewġ persuni li allegatament wettaq din is-serqa u ġie arrestat.

Dan l-individwu jifforma parti minn grupp ta’ persuni nvoluti f’ċirku ta’ serq ta’ mowbajls li imbagħad jinbiegħu fost l-oħrajn fis-swieq barranin. Irriżultaiżda li l-oġġetti misruqin inbiegħu lokalment, u jista’ jkun li dawn setgħu jispiċċaw jinbiegħu barra l-pajjiż.

Iż-żagħżugħ sar ukoll reċidiv fuq każ ieħor. Huwa mistennija li fil-ġranet li ġejjin għaddejjin għandhom jitressqu aktar persuni l-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ.