Lokali Qorti

Taljan jinżamm arrestat fuq atti ndiċenti f’bajja fil-Mellieħa

Taljan ta’ 57 sena, residenti San Pawl il-Baħar baqa’ miżmum taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li wettaq atti ndeċenti quddiem minuri, li waħda minnhom hija ta’ sitt snin meta kien fil-bajja ta’ “Dawret it-Tunnara” fil-Mellieħa. Il-Prosekuzzjoni żvelat li t-Taljan kien instab ħati ta’ atti simili ġewwa pajjiżu.

L-Ispettur John Spiteri li ressaq lil Claudio Perossa minn Trieste qal meta wettaq dan ir-reat indiċenti kien hemm preżenti diversi tfal taħt l-età. Qal li kien hemm diversi ġenituri fil-bajja li wkoll innutaw l-atti ndiċenti li kien qed jagħmel l-akkużat, u meta dan kien induna li kienu rawh, qabad u telaq ‘l hemm.

Dan il-każ seħħ nhar l-Erbgħa, 15 ta’ Lulju u tliet ijiem wara fil-jum tas-Sibt huwa reġa’ mar u beda jagħmel l-istess mossi. Dak inhar kien hemm ħafna mill-istess tfal u ġenituri li kienu hemm qabel flimkien ma’ oħrajn. Ġenitur minnhom niżel ukoll taħt l-ilma bil-goggles u kkonferma li kien qed jagħmel atti diżgustanti u li kien mingħajr malja tal-għawm.

Hawn sar rapport bit-Taljan jispiċċa arrestat. Fil-Qorti huwa qal li f’Malta xogħolu huwa li jimporta oġġetti tal-ikel u jbiegħhom fil-ħwienet. Id-difża għamlet talba għal ħelsien mill-arrest tiegħu, anke minħabba l-fatt li f’Malta għandu lil ommu tgħix miegħu li għandha 85 sena, u li trid lil xi ħadd jieħu ħsiebha.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal diversi raġunijiet fosthom li meta nqbad mill-ġenituri jagħmel l-atti moqżieża huwa reġa’ mar fil-post. Id-difiża qalet li huwa jista’ jibqa’ fl-appartament tiegħu u li jista’ jitħalla joħroġ bejn it-8.00am u l-5.00pm. il-ħinijiet li jkun jista’ jmur għax-xogħol bil-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello tiċħad it-talba. Għall-akkużat deher l-Avukat Mark Vella Fenech.