Futbol Sport

Taylon Marcolino jilħaq ftehim ma’ Valletta

(Ritratt: Trevor Sollars)

Valletta mistennija jagħmlu l-ewwel akkwist f’dan is-suq tat-trasferimenti hekk kif laħqu ftehim mal-attakkant Taylon Marcolino. Dan il-plejer mhux wiċċ ġdid għall-futbol Malti hekk lagħab ma’ Hibernians fl-istaġun 2018/19. Hu kellu staġun mill-aqwa hekk kif spiċċa l-aqwa skorer tal-kampjonat u kien strumentali biex Hibernians spiċċaw il-kampjonat b’punti ndaqs ma’ Valletta.

Fid-decider milgħuba fl-4 ta’ Mejju tas-sena l-oħra, Marcolino kien fetaħ l-iskor b’daqqa ta’ ras u b’ċelebrazzjoni li ma niżlet xejn mal-partitarji Beltin. Wara li l-logħba kellha tkun deċiża bil-penalties, Marcolino kellu x-xutt salvat minn Henry Bonello. Ftit jiem wara l-logħba, Marcolino kien allega li individwu bagħat lil xi ħadd id-dar tiegħu u offrielu l-flus biex ma jilgħabx.

Hu ħalla Malta u kompla l-karriera ma’ Botev Plovdiv fil-Bugarija qabel ingħaqad ma’ Al-Orooba fl-Emirati Għarab Magħquda. F’Jannar li għadda, hu rritorna f’pajjiżu. Dan l-akkwist għandu jkun l-ewwel wieħed minn kemm ilu li Jesmond Zerafa rritorna bħala kowċ ta’ Valletta.