Sport Sport Ieħor

Tim Malti tal-eSports involut l-Erbgħa li ġej fl-aħħar rawnd tal-kampjonat Taljan F3

L-Erbgħa t-tim Malti Sim Racing V-Rig KC Racing Esports se jkun qed jikkompeti fis-sitt u l-aħħar rawnd tal-kampjonat virtwali Taljan F3 organizzat mill-Automobile Club d’Italia. Il-ħames rawnds preċedenti saru f’Monza, Interlagos, Montreal, Spa u Suzuka filwaqt li l-finali tal-Erbgħa se ssir fiċ-ċirkwit ta’ Imola.

Fil-klassifika hemm madwar 90 sewwieq li qed jikkompetu. Is-sewwieq Malti Keith Camilleri jinsab fit-tieni post b’24 punt bogħod minn Nesi ta’ SRC Squadra Corse. Il-kollegi ta’ Camilleri, jiġifieri Brandon Tabone, Kurt Camilleri, Terence Grech u Filippo Font li jinsabu fit-12-il post, fis-16-il post, fis-36 post u fit-73 post.

Il-programm tal-Erbgħa se jibda bil-provi fid-9.15pm, l-ewwel tellieqa tibda fl-10.00pm u t-tieni tellieqa tibda fil-10.50pm. Kemm il-provi u kemm it-tlielaq jistgħu jiġu segwiti fuq il-paġna ta’ facebook tat-tim V-Rig KC Racing Esports. Għalkemm din hi l-aħħar tellieqa, il-kampjonat għadu miftuħ u s-sewwieqa kollha għadhom fiċ-ċans li jtejbu l-pożizzjoni tagħhom filwaqt li Camilleri jinsab b’ċans li jirbaħ il-kampjonat.