Internazzjonali

Iċ-Ċina twissi lir-Renju Unit dwar Hong Kong

Iċ-Ċina ħarġet twissija ċara li r-Renju Unit għandu ‘iġorr il-konsegwenzi’ f’każ li jibqa’ ‘jantagonizza u jippersisti b’aġir inaċċettabbli’ fis-sitwazzjoni attwali ta’ Hong Kong – l-eks-kolonja tal-Britanniċi li, fl-1997 kien spiċċa mill-ġdid taħt l-amministrazzjoni ta’ Beijing.

Ir-Renju Unit, fil-bidu tal-ġimgħa, issospenda t-trattat għall-estradizzjoni ma’ Hong Kong minħabba l-liġi ġdida dwar is-sigurtà li r-reġim komunista Ċiniż impona fuq it-territorju semi-awtonomu. Il-liġi kontroversjali qed tqajjem tħassib sinifikanti dwar il-futur ta’ Hong Kong meta mistenni li Beijing għandu jibda juża politika aktar ripressiva fil-konfront taċ-ċittadini f’dak it-territorju.

L-Ambaxxatur Ċiniż f’Londra, Liu Xiaoming, issa qal li r-Renju Unit ‘indaħal b’mod sfaċċat’ fl-affarijiet taċ-Ċina’ waqt li sostna li l-Gvern Ċiniż ‘qatt ma għamel l-istess fil-konfront tar-Renju Unit’.

Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, wiegħed li se joffri lil tliet miljun resident ta’ Hong Kong l-opportunità li huma jibdew jgħixu fir-Renju Unit – u fejn, eventwalment, ikunu jistgħu japplikaw għal ċittadinanza Britannika.

It-tensjoni bejn Londra u Beijing ilha tbaqbaq mindu ċ-Ċina, f’Ġunju, introduċiet l-imsemmija liġi tas-sigurtà li tistipula lista ta’ ‘reati’ li kapaċi jwasslu biex ir-residenti ta’ Hong Kong ikunu trasferiti lejn l-artijiet ċentrali taċ-Ċina għal proċessi tal-qorti. L-inkwiet kbir hu li f’din is-sitwazzjoni, id-dimostranti favur id-demokrazija f’Hong Kong isiru mira ‘speċifika’ tar-reġim komunista f’Beijing.