Wara ġimgħat ta’ investigazzjonijiet, il-Pulizija Maltija mis-‘Central Intelligence & Analysis’, flimkien mat-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali, arrestaw ċittadin Ġermaniż ta’ 45 sena, li kien imfittex fuq reati ta’ frodi li wettaq fil-Ġermanja.
Dawn l-investigazzjonijiet mill-Pulizija Maltija wasslu biex ikun identifikat li l-Ġermaniż qiegħed jgħix Malta. Wara jiem ta’ sorveljanza, fit-18 ta’ Lulju, 2020, ir-raġel kien arrestat minn appartament f’San Ġiljan, bil-Pulizija Maltija jesegwixxu Mandat ta’ Arrest Ewropew maħruġ millAwtoritajiet Ġudizzjarji tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Il-bieraħ, ir-raġel tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello sabiex jibdew il-proċeduri ta’ estradizzjoni lejn il-Ġermanja. Madankollu, huwa ma tax il-kunsens tiegħu sabiex jiġi estradit lura lejn pajjiżu. Permezz tal-avukati difensuri, ir-raġel talab għall-ħelsien mill-arrest, iżda din ġiet miċħuda mill-Qorti. Is-smiegħ dwar l-estradizzjoni mistenni jkompli fil-jiem illi ġejjin.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur Mark Galea, assistit minn Meredith Ebejer mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>