Internazzjonali

Ġermanja: Proċessat dwar l-attakk tas-sena l-oħra fuq sinagoga

Beda l-ġuri (f’Magdeburg) ta’ Stephan Balliet, li hu suspettat dwar il-qtil ta’ żewġ persuni wara attakk, is-sena l-oħra, fuq sinagoga fil-belt ta’ Halle. L-attakk seħħ fl-aktar jum qaddis tal-kalendarju osservat mil-Lhud – bil-prosekuturi jemmnu li Balliet kien motivat minn ideoloġija anti-Semitista u xenofobika u li hu ried jimmassakra lil kulmin seta’inzerta fis-sinagoga.

Jidher li Balliet aġixxa waħdu fl-azzjoni u li hu kien rawwem l-ideat radikali permezz ta’ data li kien jieħu minn fuq l-Internet. Ftit qabel l-attakk – li ntwera fuq filmati li bagħat l-istess aggressur bis-sistema tal-live streaming – Balliet kien bagħat messaġġi online fejn ħeġġeġ biex in-nies ‘iqumu u joqtlu lil-Lhud’. Hu, wara, kien ammetta għar-reat waqt smigħ quddiem maġistrat inkwerenti.

Fil-jum fatali, l-aggressur kien fetaħ in-nar fuq il-bibien tas-sinagoga li żammew sodi– u fejn hu, imbagħad, tefa xi splussivi għal ġol-kumpless.

L-aggressur imbagħad spara lejn mara li kienet miexja qrib is-sinagoga u li mietet aktar tard mill-ġrieħi li ġarrbet. Ladarba qata’ qalbu li jidħol fis-singagoga l-aggressur kien saq lejn ħanut tal-kebabs fil-viċinanzi fejn kien spiċċa joqtol raġel ġewwa dak l-istabbiliment.