Għalliem tar-Reliġjon u li għandu 37 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli li kiser il-kundizzjonijiet mposti fuqu wara li fil-15 ta’ Ġunju li għadda huwa kien tressaq fuq fastidju fil-konfront ta’ għalliema mara kollega.
Huwa qed jiġi mixli li qabad ma’ din l-għalliema u li bl-aġir tiegħu beżżagħha u dan minħabba l-fissazzjoni li kellu lejha. Skont il-Prosekuzzjoni huwa kemm il-darba kkonfrontaha b’xi skuża jew oħra u li bagħtilha mijiet ta’ emails, u anke spiċċa biex bagħat emails żewġ kollegi tagħha, li huma għalliema wkoll u lin-namrat tal-għalliema li ried joħroġ magħha.
Mill-provi rriżulta li żewġ għalliema oħra rċevew emails b’kummenti b’rabta mal-allegata vittma. Mix-xhieda tal-Ispettur Leeroy Balzan Engerer li ressaq lill-għalliem fl-istorja daħlu wkoll studenti tal-iskola fejn l-akkużat u l-allegata vittma jgħallmu, u li dawn irċevew emails dejjem b’konotazzjoni tal-mara għalliema.
Fil-Qorti permezz tal-Avukat tiegħu Benjamin Valenzia huwa qal li l-klijent tiegħu jinsab fi stat ta’ ġenn u li mhux f’qagħda li jgħaddi proċeduri kriminali fil-Qorti, li minn naħa tagħha qalet li se tqabbad espert psikjatriku biex jara jekk dan hux il-każ.
Quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima l-Għalliem li huwa mix-Xewkija, Għawdex kien tressaq il-Qorti ftit aktar minn xahar ilu li dejjaq lill-għalliema li ffissa fuqha u li wkoll dejjaq għalliema oħra li uża bħala pont biex jasal għal dik li skont ix-xhieda ried li tkun tiegħu.
Il-fastidju sesswali allegatament beda f’Jannar tal-2019 meta l-għalliem ta’ skola f’Malta beda jittanta lill-għalliema u saħansitra qalilha li kien lest li jitlaq lit-tfajla tiegħu li kien ilu joħroġ magħha għal 10 snin biex jibda joħroġ mal-għalliema, li wkoll għandha namrat, u li qalilha biex titilqu.
L-Ispettur Balzan Engerer qal li anke hu rċieva kważi 500 email mingħand l-akkużat li ħafna minnhom ma kienux jagħmlu sens. Fuq mistoqsija tad-difiża qal ukoll li huwa jaf li l-għalliem inkwistjoni kien qed jara psikjatra.
Xehedet ukoll l-allegata vittma, li qalet li hija kollega tal-akkużat fl-iskola fejn tgħallem u li l-istorja bdiet meta hu kien qalilha li xtaq jiltaqa’ magħha l-iskola u li f’sala tal-istess skola kien kellimha fuq xi purtieri, u hawn hi ratha stramba li ried jiltqa’ magħha biex ikellimha fuq hekk.
Madankollu dak inhar stess qalilha li xtaqha tkun tiegħu u li kien lest li jitlaq it-tfajla tiegħu u qalilha biex tagħmel l-istess fil-konfron tal-għarus tagħha.
Qalet li hi kienet qaltlu li tinsab kuntenta miegħu u li minn dak inhar ‘l hawn bdiet tevitah u lanqas bss tkellmu. Qalet li kien beda jibgħatilha ħafna messaġġi fuq messenger u li kienet tgħidlu biex jieqaf, imma mingħajr suċċess.
Qalet li darba sa qalilha li ma kien sew li l-għarus tagħha kien sawwatha, xi ħaġa vvintata, qalet l-għalliema. Qalet li ħafna mill-messaġġi li kien jibgħatilha ma kienux jagħmlu sena, imma oħra kienu jbeżżgħuha.
Kompliet tgħid li darba heddidha b’ħajjitha u li darba oħra kien qalilha li anke hi s jkollha bżonn psikjatra minħabba l-aġir tal-għarus tagħha fil-konfront tagħha.
Hija qalet li minbarra l-ħafna messaġġi li kien jibgaħtilha, kien ukoll jibgħatilha messaġġi fuq l-email account tal-Gvern u li saħansitra kien ukoll bagħat messaġġ fuq messenger lill-għarus tagħha,
Qalet li tant eskalat il-biċċa li hi u l-għarus tagħha marru jagħmlu rapport lill-Pulizija. Ikkonfermat ukoll li għal sena sħiħa donnhom l-affarijiet kienu kkalmaw fejn ftit li xejn kompla jaqbad magħha, imma kien jgħidilha li kien qed imur għand psikjatra. Qalet li tant kemm kienet tibża’ li kienet waslet fi stadju li tibża’ tiftaħ l-emails. Il-każ ikompli.
//= $special ?>