Lokali Unjoni Ewropea

Il-Fondi tal-UE: Vot finali nhar il-Ħamis li ġej

Net News jitkellem mal-MEP Robert Metsola

Wara xhur ta’ negozjati fuq livell Ewropew, il-kapijiet tal-Gvernijiet tal-Unjoni Ewropea qablu fuq l-għajnuna finanzjarja li hi meħtieġa fid-dawl tal-kriżi li l-COVID 19 ġabet magħha filwaqt li qablu wkoll dwar il-pakkett finanzjaru għas-7 snin li ġejjin.

Għall-ewwel darba, l-fondi huma wkoll marbuta ma’ dak li se jkunu obbligati li jagħmlu l-pajjiżi membri fejn tidħol is-saltna tad-dritt u l-klima.

Dan is-summit kompla kkonferma kemm kienet għaqlija d-deċizjoni li pajjiżna jissieħeb fl-UE. Malta issa se tkun qed tieħu 1.9 biljun ewro għas-snin 2021-2027 u għajnuna ta’ 327 miljun ewro għal kontra l-effetti tal-pandemija.

Minn dawn il-flus, meta wieħed inaqqas il-kontribuzzjoni li Malta se tagħti lill-Unjoni Ewropea pajjiżna se jibqalu total ta’ ftit aktar minn biljun ewro bħala fondi.

Kif spjegat ma’ Net News l-MEP Roberta Metsola fix-xhur li għaddew fil-Parlament Ewropew kienet qed issir ħidma kbira biex Malta tkun tista’ tgawdi mill-akbar ammont possibli ta’ għajnuna finanzjarja. Hi saħqet li tinsab sodisfatta mmens li l-mexejja qablu fuq il-fondi wara xhur twal ta’ ħidma intensiva fuq livell Ewropew.

Il-Kap tad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, saħqet ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet li din hija rebħa għall-PN li dejjem emmen fil-fondi u fil-proġetti ewropej, dejjem ra li dawn il-fondi jkunu mmirati biex jittejbu l-ħajjiet tal-Maltin u l-Għawdxin. Hi saħqet li tispera li l-Gvern Malti jinvesti dawn il-fondi fi proġetti u anke biex jiġu salvati l-impjiegi tal-ħaddiema Maltin, speċjalment issa fid-dawl tal-kriżi li ġabel magħha l-pandemija tal-COVID-19.

In-negozjati għadhom ma ntemmux, u issa jmiss li fil-Parlament Ewropew jittieħed vot finali; votazzjoni li se ssir nhar il-Ħamis li ġej.

Dan il-ftehim ikompli jżid mal-miljuni kbar ta’ fondi li pajjiżna kiseb sa minn meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea lura fl-2004 taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Eddie Fenech Adami. U aktar tard, taħt amministrazzjoni Nazzjonalista mmexxija mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi, Malta u Għawdex komplew jiksbu miljuni kbar ta’ fondi diretti li bihom saru proġetti, u gawdew il-ħaddiema, iż-żgħażagħ u l-familji.