Lokali

“Il-Kap tal-PN għandu quddiemu żewġ għażliet”

Il-Partit Nazzjonalista jinsab f’salib it-toroq, u għandu quddiemu żewġ għażliet: jew ikollu Kap tal-Partit li jgħaqqad u jagħmel il-partit wieħed żagħżugħ u rebbieħ, jew inkella jibqa’ b’Kap tal-Partit li ġie deskritt bħala wieħed li jifred.

Fi stqarrija maħruġa mill-maġġoranza tad-deputati fil-Grupp Parlamentari tal-PN intqal li dawn il-membri Parlamentari se jibqgħu naħdmu għal Partit Nazzjonalista rebbieħ immexxi minn persuna onesta u kredibbli li jpoġġi l-interess nazzjonali u tal-Partit Nazzjonalista l-ewwel; persuna li tkun magħżula mill-Kunsilliera u mit-tesserati.

L-istqarrija, li ma kinitx iffirmata, tgħid ukoll li l-attitudni u l-aġir ta’ Adrian Delia mhumiex denji ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.

L-istess deputati qalu li huma jridu l-għaqda fil-Partit Nazzjonalista; nies b’ideat u karattri differenti li jiġu flimkien biex jerġgħu jagħmlu mill-Partit Nazzjonalista l-aqwa forza politika f’pajjiżna. Dan hu dak li qed jitlob u jistenna l-poplu Malti u Għawdxi li jinsab ħerqan għall-bidla fil-Partit Nazzjonalista, tgħid l-istqarrija.

Intant, il-Ħamis li ġej il-PN se jkun qed ilaqqa’ l-Kumitat Eżekuttiv biex tittieħed azzjoni konkreta f’dan ir-rigward.