Internazzjonali Lokali

Il-karba ta’ omm li qed titlob biex issir ġustizzja

L-ulied li għandhom passaport Malti allegatament inħatfu minn missierhom, Mohammed El Zubaidy

Net News fl-aħħar jiem irraporta l-istorja ta’ Tanya Borg u uliedha Angel u Maya li allegatment inħatfu minn missierhom. Bħala kamra tal-aħbarjiet bqajna nsegwu l-aħħar żviluppi u għamilna kuntatt mal-omm li bħalissa tinsab fir-Renju Unit tistinka biex il-ġustizzja tkun implimentata u uliedha jirritornaw lura d-dar.

L-ulied inħatfu wara li l-missier kien ħadhom miegħu vaganza fit-Tuneżija fl-2015, u kien ħa ‘l ulied il-Libja biex imorru jgħixu ma’ familtu.

F’kummenti esklussivi li tat lil din il-kamra tal-aħbarjiet ġie żvelat magħna li uliedha għandhom il-passaport Malti, u infatti hija qalet li rċeviet għajnuna mill-Awtoritajiet Maltin biex tikseb Visa biex kienet tista’ tmur il-Libja f’tentattiv biex iġġib lill-uliedha, filwaqt li għandha tama partikolari li Malta issa tkun t’aktar għajnuna.

 “L-awtoritajiet Maltin jafu biha, u kienu huma li għenuni u ġabuli Visa biex immur il-Libja… Nittama li issa r-relazzjonijiet ġodda  bejn Malta u l-Libja jgħinuni biex inġib lil uliedi lura”

Hija qed tallega li akkost li ngħatat kustodja tal-ulied kemm fir-Renju Unit u anki fil-Libja, wara din l-azzjoni, il-pulizija Ingliża ma tridx tinvestiga.

Hija qaltilna li fl-25 ta’ Lulju se tkun organizzata mixja forma ta’ protesta biex titqajjem aktar u aktar il-kuxjenza li hemm ċittadini Brittaniċi, Maltin u Ewropew li jinsabu ostaġġi, ‘il bogħod minn darhom. Tanya infatti żvelat magħna li f’Malta wkoll se jkun hawn avveniment biex titqajjem kuxjenza, fejn fost l-oħrajn il-familjari li jinsabu Malta se jagħmlu forma ta’ protesta biex anki l-poplu Malti jkun konxju ta’ dak li qed jiġri, kif hi rebħet bi dritt il-kustodja ta’ uliedha, kemm fil-Qorti Ingliża u kif ukoll fil-Qorti Libjana. Se jsiru wkoll mixjiet forma ta’ protesti f’Londra.

B’emozzjoni u b’ton imqanqal qaltilna li tixtieq li kulħadd ikun jaf l-istorja tagħhom.

“Uliedi ma ħaqqhomx ikunu hemm (fil-Libja)”

Fl-istess kummenti hija qaltilna li ftit ilu skopriet li kien hemm 11-il miljun sterlina f’fondi biex tinstab Madeleine Mccann, uliedha nafu li jinsabu l-Libja, imma l-awtoritajiet ma jridux jagħtu aktar għajnuna.

“Ma nista’ nagħmel xejn aktar, ma nistax nifhem kif l-awtoritajiet qed jibqgħu ma jgħinux, ma nistax nifhem kif l-Interpol għadhom ma intervjenewx… għal uliedi ħadd mhu juri interess”

Tanya kienet marret il-Libja f’tentattiv biex issalva lil uliedha, bil-kbira, Angel, tipprova tagħmel minn kollox biex tingħaqqad m’ommha madankollu l-filmat juri li dan ma kienx possibbli, wara li ġiet sfurzata tidħol f’karozza u ħaduha ‘l bogħod minn ommhom. Hija spjegatilna x’kien seħħ f’dik iċ-ċirkustanza.

“Meta kont hemm ma ridtx noqgħod ‘il bogħod minnhom…ma tantx stajt inkellimhom, kważi qatt ma ħallewni waħdi magħhom.”

Hija rrakontant x’kien ċara fil-filmat li ntwera fuq il-midja soċjali, u anki fuq Net News meta l-omm bdiet tgħajjat “binti binti”. Angel pruvat taħrab u qabdet taxi, madanakollu l-familjari Libjani waqfu lix-xuffier tat-taxi u sfurzawha toħroġ mill-vettura u tmur magħhom, fost l-għajjat tagħha u tal-omm, waqt li pruvaw jagħmlu minn kollox biex huma jiżgiċċaw u jmorru lura lejn ir-Renju Unit.

Angel tipprova taħrab mill-familjari Libjani

L-omm spejgat li meta ż-żgħira Maya ttieħdet minn missierha, kellha biss 3 snin, iżda meta marret il-Libja bintha ma riditx titlaq minn ħdejha. Madanakollu hija ddeskriviet id-dispjaċir li bintha mhux tifhem is-sitwazzjoni, u kif mhux dejjem tkun konxja ta’ dak li jkun qed jiġri madwarha.

Hija fost l-oħrajn irrakuntat wkoll x’kien l-ewwel ħsieb meta saret taf li l-eks raġel tagħha kien ħa lill-uliedha t-Tuneżija minn fejn imbagħad baqa’ sejjer lejn Tripli.

“Meta sirt naf li ħadhom il-Libja, irrealizzajt li għamilt l-akbar żball ta’ ħajti … li kien ħallejthom jitilqu… il-missier beda jgħid li kellu jibqa’ hemm għal sena… kien qed jigdeb, u minn hemm komplejt nagħmel minn kollox biex uliedi jiġu lura”

Tanya qalet li l-aħħar kuntatt li sar mill-missier magħha kien li xtaq jagħmel kuntatt mat-tifel tagħhom u jtih rigal. Dak kien l-aħħar kuntatt, mill-bqija il-ġenituri ma tantx jitkellmu.

L-appell tagħha tul l-intervista baqa’ wieħed, biex jittieħdu l-passi kollha biex uliedha jirritornaw id-dar, u li mhux ġusta li l-ġustizzja f’dan l-istadju għadha ma saritx. Hija qalet li se tibqa’ tagħmel minn kollox, bit-tama u bil-kuraġġ biex dak li hu tajjeb isir, u uliedha jkunu jistgħu jgħixu fil-libertà fir-Renju Unit.

Kull min jixtieq li jgħin f’din il-kawża biex l-ulied jirritornaw lura m’ommhom, wieħed jista’ jagħmel dan billi jidħol fuq din il-link: https://www.gofundme.com/f/tzjsh-help-me-get-my-girls-home