Lokali Parlament

Il-Ministru għall-Ambjent ippressat fuq problemi ambjentali minn deputat tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni

Deputat tal-Gvern u deputat tal-Oppożizzjoni llum wara nofinhar ippressaw lill-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia dwar problemi differenti ambjentali; dawk kaġunati mit-tank cleaning farm fir-Ricasoli u d-drenaġġ li qed jiżbrofa fil-baħar fil-Qammieħ fil-Mellieħa.

Kien id-deputat Labursta Joe Mizzi li l-ewwel ataqsa lill-Ministru gall-Ambjent biex jispjega l-pożizzjoni tal-Gvern u l-azzjonijiet li qed jittieħdu quddiem il-problemi li qed jikkaġuna t-tank cleaning farm f’Ricasoli fejn, skont l-istess ex-ministru Laburista, hemm diversi irregolaritajiet u ksur tal-liġi.

Il-Ministru Joe Mizzi (ritratt: Martin Agius)

Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia wieġeb li l-Awtorità għall-Ambjent marret fuq il-post u ħadet nota. Hu żied li hemm ukoll applikazzjoni li qed tkun ikkunsidrata skont il-proċedura.

F’intervent ieħor id-deputat Laburista Joe Mizzi qal li pubblikament kien stabblit li m’hemmx post ieħor li fih jist’a jsir it-tank cleaning farm. L-uniku rimedju li hemm hu li jkun hemm barges. Hu staqsa lill-Ministru biex jagħti ir-riżultati tal-ispezzjoni li qal li saret fit-tank cleaning farm.

Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-gvern qed jikkunsidra post off-shore għal din l-operazzjoni.

Id-deputat Laburista Joe Mizzi insista li r-rapport jitpoġġa dwar it-tank cleaning farm fuq il-mejda tal-Kamra.

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar staqsa lill-Ministru għall-Ambjent jispjega x’kienu r-raġunijiet wara l-iżbroff tad-drenaġġ fil-Qammieħ fil-Mellieħa.

Il-Ministru għall-Ambjent wieġeb biss li kien se jitkellem mal-ministru responsabbli mill-ilma biex din il-problema tissolva.